Il-kap tal-akbar partit tal-oppożizzjoni tat-Turkija ikkritika bl-aħrax u akkuża lill-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer, li baqa b’ħalqu magħluq u njora l-arrest tas-sindku ta’ Istanbul Ekrem İmamoğlu li hu l-kandidat ewlieni tal-Partit popolsri Repubblikan (CHP).
Il-mexxej tas-CHP, li jxaqleb lejn ix-xellug politiku, Özgür Özel, enfasizza li l-frustrazzjonijiet tiegħu kienu mat-tmexxija tal-Partit Laburista Ingliż u Starmer personalment talli naqsu milli joffru kundanna sħiħa wara li l-politiku ewlieni tas-CHP u Sindku ta’ Istanbul Ekrem İmamoğlu kien arrestat ix-xahar li għadda.
İmamoğlu kien mitfugħ il-ħabs fuq firxa ta’ akkużi ta’ korruzzjoni, li wasslu għall-akbar dimostrazzjonijiet kontra l-gvern fit-Turkija f’aktar minn għaxar snin hekk kif mijiet ta’ eluf ta’ nies u partitarji niżlu fit-toroq.
Is-CHP sejjaħ għal manifestazzjonijiet darbtejn fil-ġimgħa madwar it-Turkija u bojkott ekonomiku ta’ kumpaniji li jgħidu li huma qrib il-president Recep Tayyip Erdoğan, bit-tama li jixpruna moviment kontra l-gvern li s’issa ra kważi 1500 persuna jiġu arrestati u miżmuma, inklużi ġurnalisti u politiċi muniċipali.
Filwaqt li l-awtoritajiet Torok jinsistu li l-akkużi kontra s-sindku ta’ Istanbul mhumiex politiċizzati, Özel ittimbraha bħala “proċess politiku,” u żied li Erdoğan “għandu l-avukati tiegħu biex jitfgħu l-ħabs lil dawk li jippruvaw ifixklu lilu u lit-tim tiegħu politikament.
Is-sindku ta’ Istanbul, li mexxa belt ta’ 16-il miljun għal sitt snin, kien meqjus b’mod wiesa’ bħala r-rivali ewlieni ta’ Erdoğan.
Huwa ġie magħżul il-kandidat tas-CHP għall-president fl-istess jum li ntbagħat f’ħabs ta’ sigurtà massima fil-periferija ta’ Istanbul.
L-elezzjonijiet fit-Turkija huma mistennija jsiru fl-2028, għalkemm vot bikri huwa mbassar ħafna, u s-CHP sejjaħ għal elezzjonijiet anticipati wara li nnomina uffiċjalment lil İmamoğlu bħala l-kandidat tiegħu.