“Meta twettaq ir-riformi dejjem se ssib sfidi kbar. Imma quddiem l-isfidi dejjem rebaħ il-kuraġġ li nagħmlu s-sewwa. Is-sewwa għax kull persuna għandha valur. Is-sewwa għax għandna fiduċja f’pajjiżna”. Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’attività politika fil-Fgura fejn saħaq kif il-poplu Għawdxi u Malti kien kuraġġuż f’ħafna mir-riformi importanti li ġabu lil pajjiżna ’l quddiem.
Huwa staqsa wkoll numru ta’ domandi dwar kif kull darba li Gvern Laburista ġab ’il quddiem riformi maħsuba biex ineħħu l-istatus quo biex il-pajjiż jieħu ħsieb aħjar lil niesu, ħaddieħor iddemonizzahom.
“Għiduli intom, jekk storikament tiftakrux imqar bidla soċjali waħda li ressaq ‘il quddiem il-moviment tagħna u li ma kinetx milqugħa b’kampanji ta’ biża’? Staqsu lilkom infuskom, tiftakrux bidla soċjali waħda li ma ġabitx flimkien il-forzi konservattivi u tal-Partit Nazzjonalista f’vuċi waħda jopponu dak li dejjem emmina li huwa sewwa?”, staqsa Dr Abela.
Riformi fejn l-istess nies opponew bl-istess sentiment
Dr Abela fakkar dwar kif l-istess nies opponew għad-dritt li koppja, tkun ta’ liem orjentazzjoni tkun, tgħix l-imħabba tagħha fil-miftuħ billi tiżżewweġ. Huwa żied jgħid li dwar dik r-riforma, għal darb’oħra kien intqal li se tkun waħda li tkisser il-familji u tħarbat lis-soċjetà. Sostna li llum minflok qed ngħixu f’pajjiż isbaħ fejn kulħadd għandu dritt jiċċelebra l-imħabba tiegħu. Kienu qalu wkoll li se jispiċċa Jum l-Omm u kif meta l-gvern fehem u tkellimna dwar kif ried iktar familji li jinħabbu jkollhom iċ-ċans li jrabbu u jħobbu l-ulied, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Filwaqt li kompla biex jitkellem dwar dawn l-esperjenzi sbieħ, huwa qal li kien hemm dawk li saħansitra qalu li se jinqatlu t-trabi meta saret ħidma biex jiġu mwielda permezz ta’ riforma li rat l-proċess tal-IVF li jibda jsir fl-isptarijiet.
Filwaqt li kompla biex jikkjarifika l-pożizzjoni tal-gvern quddiem dawk li għandhom ħsibijiet ġenwini fir-rigward tal-emenda proposta, Dr Abela qal li l-pożizzjoni hija waħda ċara fejn dawk l-ommijiet kollha f’periklu gravi waqt it-tqala, jiġu salvati. Sostna li dan mhux kapriċċ u mhux se jkun hemm xi ħadd jiddeċiedi waħdu li jittermina tqala. L-emenda se tara li mara, omm prospettiva, ikollha tabib illi flimkien mal-familja jiddeċiedi favur omm li għandha saħħitha u ħajjitha f’periklu gravi. Fakkar li llum l-omm jew il-professjonist, jekk jieħdu deċiżjoni favur l-omm jistgħu jispiċċaw il-ħabs fuq l-istess deċiżjoni.
Il-Prim Ministru kien ċar ukoll dwar il-fatt li b’din l-emenda li qed titressaq, l-abort se jibqa’ projbit u li mhi se titneħħa l-ebda klawżola li se twassal biex f’pajjiżna l-abort jiġi dekriminalizzat. “Qed niddiskutu emenda waħda u waħda biss fil-Liġijiet ta’ Malta. Emenda għall-Kodiċi Kriminali, li żżomm l-abort kif inhu llum… illegali u li biha l-abort jibqa’ reat. Fl-istess ħin b’din l-emenda se nħarsu l-professjonisti li jaġixxu f’mument fejn saħħet l-omm jew ħajjitha tkun f’periklu gravi”, spjega Dr Abela.
Il-bżonn tal-emenda nibet minn vacuum fil-liġi eżistenti
Il-Prim Ministru qal li l-każ li kellna dan is-sajf, tas-Sinjura Andre Prudente, kien dak li xegħel bozza. Għal aktar minn darba fl-aħħar diskorsi tiegħu huwa qal li f’dan il-każ, skont l-informazzjoni li għandu, l-omm f’dak il-mument partikolari ma kinetx f’periklu għal ħajjitha, daqskemm ma dehritx li kienet vijabbli t-tqala. Żied biex jgħid li din il-pożizzjoni wasslet għal domandi ta’ x’verament għandu jiġri u filwaqt li l-pressjoni kienet fuq il-professjonisti mediċi, ntalbu pariri, inkluż dak legali.
Il-parir tal-Avukat tal-Istat kien ċar kristall. L-avukat tal-istat qal li l-prassi prevalenti li dejjem kellna fl-isptar Mater Dei ma kinetx imħarsa mil-liġi. Qal li f’ċirkostanzi bħal dawn għalkemm ma kellu ebda dubju mill-ġenwinità tat-tobba li jkollhom jieħdu dawn id-deċiżjonijiet u jagħmlu dawn l-interventi, hemm ċar ksur tal-Liġi tal-Abort ta’ pajjiżna. It-tieni parti tal-parir tiegħu kienet tgħid li jekk ikun hemm dan it-tip ta’ intervent biex tiġi salvata ħajjet l-omm u tintilef it-tarbija trid tinkiseb l-immunità mingħand l-Avukat Ġenerali.
Il-Prim Ministru b’messaġġ ċar għall-Kap tal-Oppożizzjoni
Fid-diskors tiegħu Dr Abela kien ċar u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qallu li għalkemm għandu dritt ma jaqbilx. Jekk irid jogħġob lil minn tah il-pożizzjoni fil-partit affarih. Jekk irid jagħmel minn kollox biex isalva postu jista’ wkoll, iżda li ma kellux juża lill-mara b’dak il-mod dispreġjattiv kif għamel fil-parlament fl-aħħar jiem. Sostna li f’dak il-każ, il-moviment Laburista, li dejjem ħadem għal emanċipazzjoni tal-mara, se jkun hemm biex jiqaflu.
Riformi importanti li twettqu u li qed iħallu r-riżultati
Dr Abela kompla biex jgħid li ma tgħaddix ġimgħa waħda li ma jkunx mistieden biex jinawgura, iżur jew jitkellem dwar xi investiment ġdid. F’dan ir-rigward huwa rrefera għall-investiment ta’ €30 miljun minn Teva Malta u l-esperjenza mill-isbaħ li jattendi għall-inawgurazzjoni ta’ wieħed mill-katina ta’ investimenti li qed iwasslu għar-riżultati sbieħ ta’ pajjiżna.
Rigward it-tkabbir ekonomiku huwa qal li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-ekonomija Maltija kibret b’7.6 fil-mija. Ir-rata tat-tkabbir ekonomiku sa issa kienet terz aktar minn dik imbassra għal Malta mill-Kummisjoni Ewropea. Fl-ewwel disgħa xhur tas-sena l-konsum privat laħaq livell rekord ta’ 4.7 biljun ewro, nofs biljun aktar minn sena ilu. L-esportazzjoni laħqet livell rekord ta’ 18.6 biljun ewro, biljun u nofs aktar minn sena ilu.
Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu b’messaġġ ta’ kuraġġ gejn qal li “Ir-riformi mmexxuhom ‘il quddiem b’kuraġġ, bla ebda biża’ u b’entużjażmu għaliex għandna fiduċja f’pajjiżna. Iva nemmnu fis-saħħa tas-soċjetà tagħna li twettaq il-bidliet. Imma kif rajna maż-żmien meta twettaq ir-riformi dejjem se ssib sfidi kbar. Imma quddiem l-isfidi dejjem rebaħ il-kuraġġ li nagħmlu s-sewwa. Is-sewwa għax għandna fiduċja f’pajjiżna.”