Friday, November 22, 2024

Il-PM favur tranżizzjoni edukattiva aċċellerata għal karrieri stabbli

Aqra wkoll

Il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkunu l-aqwa risposta għal dawk li fl-aħħar xhur staqsew jekk l-opportunitajiet ta’ xogħol humiex se jibqgħu ġejjin bl-istess ritmu ta’ dak li kien inbeda fl-2013. Iddikjara dan il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista waqt attività politika mill-Mellieħa. 

Filwaqt li rrefera għall-investiment ta’ dan il-gvern fil-gżira Għawdxija, Dr Abela qal li f’Malta xejn inqas u li l-pass ta’ dan il-gvern se jibqa’ wieħed konsistenti.

Huwa rrefera għall-aħħar benefiċċju ta’ pensjoni miżjuda għall-korpi dixxiplinati mħabbra l-ġimgħa li għaddiet.

Fejn tidħol intelliġenza artifiċjali, il-Prim Ministru fakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qal li jekk kemm-il darba jkun hu fil-gvern kien se jġib diversi kumpaniji lejn pajjiżna u hawnhekk aċċenna għall-fatt li Grech ftit li xejn irrealizza kemm hawn kumpaniji li emmnu f’pajjiżna u li għadhom qegħdin joffru opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna. Huwa qal li sa dawn l-aħħar jiem huwa kellu l-opportunità li jħeġġeġ liż-żgħażagħ Maltin biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet.

Barra minn hekk huwa qal li minn din is-sena se jkun hemm tibdiliet li jkomplu jħeġġu lill-istudenti biex jagħżlu dawk il-linji ta’ karrieri li jagħmlu sens għalihom. Tkellem dwar karrieri stabbli u ta’ kwalità li b’għajnuna ta’ stipendji aħjar, se jkunu nies imħarrġa li jmexxu tranżizzjoni b’mod aċċellerat biex ikollna ekonomija tal-Maltin, mill-Maltin għall-Maltin. 

“Aħna nagħtu kelma u dik il-kelma nwettquha għax magħna taf fejn qiegħed! Perfetti m’aħniex, imma qalbna tħabbat magħkom ilkoll u għalhekk fejn stajna għamilna differenti dejjem irikonoxxejnieh dak u għamilna aħjar”, tenna Dr. Abela filwaqt li tkellem dwar gvern li mhux talli mhuwiex supperv, anzi bħalma qiegħed ikompli jagħmel qiegħed ikompli jinżel man-nies u jkun viċin tagħhom.

Fakkar dwar l-istrateġija tal-Partit Laburista li jibbaża fuq it-tkabbir ekonomiku u ma naqasx milli jsemmi għar-rating tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu internazzjonali li tat rating ta’ A+ lil pajjiżna. Fost is-setturi li l-aktar marru tajjeb ir-rapport issemmi t-turiżmu li qabeż il-livelli ta’ qabel il-pandemija, kif ukoll il-manifattura. Fir-rigward ta’ din l-industrija l-esperti tal-Fitch Ratings jgħidu li dan seħħ għax minħabba l-istabbilita’ fil-prezz tal-enerġija li wassal għall-kompetittivita aqwa għall-azjendi li joperaw f’pajjiżna. Dawn id-dikjarazzjonijiet huma xhieda tal-għaqal tal-gvern fid-deċiżjonijiet strateġiċi tiegħu, liema deċiżjonijiet ma sabux l-appoġġ tal-oppożizzjoni li qalet li t-tariffi għandhom jogħlew skont il-prezz internazzjonali.

Il-Prim Ministru qal li Grech mhux talli jrid joħodna għal qabel l-2013, iżda saħansitra għandu viżjoni li jmur lura iktar minn hekk. 

Rigward l-aġenziji li jipprovdu riżorsa umana għal pajjiżna, il-Prim Ministru qal li dawn huma importanti imma hemm bżonn li pajjiżna jidħlu biss ħaddiema li għandna bżonn. Huwa qal li trid issir aktar ħidma biex il-kontribut tal-ħaddiem barrani tgħin biex timbotta lill-Malti ’l fuq fejn l-aqwa opportunitajiet ikunu għall-Maltin u l-Għawdxin. Il-Prim Ministru kien ċar u qal li dan il-gvern se jkun qiegħed jirregola lil dawn l-aġenziji fejn mhumiex se jkunu qegħdin jirregolaw ruħhom huma.

L-istess tkellem dwar is-settur tal-kostruzzjoni. Qal li ħadd mhu jgħid li jrid joqtol din l-industrija, iżda n-nies qiegħda titkellem u qalet li tixtieq li din tiġi xprunata biex ħadd ma jasal biex jabbuża minn ħadd.

“Aħna għażilna li d-deċiżjonijiet tagħna jkunu favur il-ħafna u mhux il-ftit”, saħaq Dr Abela filwaqt li kompla biex jitkellem dwar kif ftit tax-xhur ilu pajjiżna wasal biex daħħal il-miżura ta’ trasport b’xejn biex fl-aħħar jiem kompla biex jinvesti fi flotta ta’ vetturi elettriċi ġodda biex tkompli żżid l-effiċjenza.

Dwar il-budget, il-Prim Ministru qal li l-prinċipju madwaru se jkun gvern li jibqa’ jkun ta’ sostenn. It-tieni budget minn ħamsa li se jkun qiegħed ikompli jwitti għall-manifest Malta Flimkien.

“Se nibqgħu nagħtu l-viżjoni u d-direzzjoni lejn fejn irridu li Malta u Għawdex tagħna jimirħu għal soċjetà b’poplu li għandna fiduċja sħiħa fih”, temm jgħid Dr Abela.

Sport