Il-Prim Ministru robert Abela kkonfermalna l-aħbar li huwa approva l-estensjoni tad-data ta’ terminu għall-inkjesta pubblika relatata mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara talba mill-Imħallfin presedenti fuq l-inkjesta pubblika biex tingħata estensjoni għall-inkjesta, liema talba skont il-Prim Ministru seħħet ġimgħa wara d-data ta’ skadenza oriġinali, l-istess Abela tenna li, fid-dawl tat-tfixkil tal-Covid-19 u l-effetti li din ħalliet fuq il-proċeduri tal-Qorti, huwa kien approva din it-talba, u ta sal-15 ta’ Diċembru biex jinstemgħu x-xhieda kollha u jiġi ppreżentat ir-rapport finali.
“Nemmen li se jkun hemm biżżejjed żmien biex jinstemgħu x-xhieda kollha relevanti. Il-prinċipju però, għandu jibqa’ li x-xhieda kollha li jitressqu f’dawn il-proċedimenti legali dejjem irid ikollhom kontribut relevanti x’jagħtu għall-mertu tal-inkjesta pubblika.”
Mistoqsi għalfejn ġie deċiż li d-data finali tkun il-15 ta’ Diċembru, u jekk hux qiegħed jikkunsidra li d-data tista tiġi estiża darba oħra, Abela wieġeb li l-proċeduri legali “ma jistgħux jibqgħu jkakxru għal żmien indefinit. Hemm biżżejjed żmien biex jinstemgħu x-xhieda kollha, u jitlesta r-rapport marbut mal-inkjesta pubblika wkoll.”