Sunday, November 24, 2024

Il-PM Indjan iħeġġeġ lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G20 sabiex jegħlbu d-differenzi tagħhom

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Indjan Narendra Modi ħeġġeġ lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G20 sabiex jegħlbu d-differenzi tagħhom u jiffokaw fuq il-ħtiġijiet tad-dinja li kontinwament qiegħda tiżviluppa.

“Qegħdin niltaqgħu fi żmien ta’ diviżjonijiet globali profondi. Għandna responsabbiltà lejn dawk li mhumiex f’din il-kamra,” huwa qal lill-ministri f’Delhi. L-Indja trid tuża l-presidenza tagħha tal-G20 sabiex tqajjem kwistjonijiet ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw magħrufa bħala l-“Global South”.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-ministri tal-finanzi tal-G20 ma laħqux qbil dwar dikjarazzjoni tal-għeluq fil-laqgħa tagħhom fil-belt ta’ Bengalore, fl-ewwel laqgħa ministerjali fit-tħejjija għas-summit li se jsir aktar tard din is-sena.

Kien għalhekk li tħalla f’idejn l-Indja sabiex toħroġ sommarju li nnota “valutazzjonijiet differenti tas-sitwazzjoni” fl-Ukrajna fi ħdan il-grupp. It-taħditiet tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin il-Ħamis li għadda x’aktarx li jiffaċċjaw ostakli simili.

Mid-diskors ta’ Modi iktar kmieni llum kien evidenti li l-Indja riedet twassal ftehimiet li jistgħu jgħinu lid-dinja li qed tiżviluppa u jkabbru l-ambizzjonijiet globali tagħha.

“Wara snin ta’ progress, illum ninsabu f’riskju li nimxu lura fuq l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jaffaċċjaw djun mhux sostenibbli filwaqt li jippruvaw jiżguraw is-sigurtà tal-ikel u l-enerġija.

“Huma wkoll l-aktar affettwati mit-tisħin globali kkawżat minn pajjiżi aktar sinjuri. Huwa għalhekk li l-Presidenza tal-G20 tal-Indja ppruvat tagħti vuċi lin-Nofsinhar Globali,” qal Modi.

Sport