Rishi Sunak qal li qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex jikkontrolla l-immigrazzjoni illegali. Waqt li kien fi triqtu lejn is-summit tal-G20, il-Prim Ministru Ingliż saħaq mal-ġurnalisti li permezz tal-ftehim konġunt ma’ Franza se jkun qiegħed jipprova jindirizza sitwazzjoni ta’ numru rekord ta’ dgħajjes żgħar li qed jaqsmu.
Huwa kompla biex jitkellem dwar l-ekonomija, iżda saħaq li kif wiegħed, huwa se jkun qiegħed jaħtaf il-barri minn qrunu biex sas-sajf jindirizza din il-problema.
Skont dan il-ftehim ma’ Franza, l-Ingliżi se jkunu qegħdin iżidu n-nefqa tagħhom minn €62.7 miljun għal €72 miljun biex tiżdied is-sorveljanza fuq il-fruntieri.
Din iż-żieda fin-nefqa se tkun qiegħda tara żieda ta’ 40 fil-mija fuq il-200 uffiċjal li jħarsu l-bajjiet u għall-ewwel darba, uffiċjali Ingliżi se jkunu qed isibu sapport mill-kontroparti Franċiżi f’tentattiv biex iwaqqfu dawn id-dgħajjes dar li qed jaqsmu.
Minbarra f’hekk, il-gvern Ingliż se jkun qiegħed jinvesti fiċ-ċentri tal-immigranti u ċentru tal-operat fi Franza. Il-ħsieb wara dan huwa li l-immigranti jsiru konxji li l-pajjiż qiegħed jindirizza bis-serjetà din is-sitwazzjoni.
Din il-kollaborazzjoni bejn Londra u Pariġi qiegħda titqies bħala rebħa għall-Prim Ministru Ingliż wara li ftit tal-jiem qabel Liz Truss kienet wieġbet li għadu m’hemmx ftehim meta mistoqsija dwar jekk il-President Franċiż setax jitqies bħala ħabib jew għadu.