Wednesday, December 25, 2024

Il-PM Ingliż ikkritikat wara li qabbel l-invażjoni Russa ma’ Brexit

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ġie kkritikat wara li qabbel il-ġlieda tal-Ukreni kontra l-invażjoni Russa ma’ nies fir-Renju Unit li jivvutaw għal Brexit. 

F’diskors li għamel, huwa qal li l-Brittaniċi, bħall-Ukrajni, kellhom l-istint “li jagħżlu l-libertà” u semma bħala eżempju riċenti l-vot tal-2016 biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea. 

Il-kummenti li għamel Johnson f’konferenza tal-Partit Konservattiv f’Blackpool is-Sibt li għadda, nisslu rabja fost politiċi kemm fir-Renju Unit kif ukoll dawk Ewropej. Donald Tusk, l-eks President tal-Kunsill Ewropew, sejjaħ il-kummenti bħala offensivi.

Johnson qal: “Naf li huwa l-istint tan-nies ta’ dan il-pajjiż, bħall-poplu Ukren, li jagħżlu l-libertà, kull darba. Nista’ nagħtikom ftit eżempji riċenti famużi. Meta l-poplu Ingliż ivvota għal Brexit f’numri daqshekk kbar, ma nemminx li seħħ għax kienu remoti ostili għall-barranin.

“Huwa għax riedu jkunu ħielsa li jagħmlu l-affarijiet b’mod differenti u li dan il-pajjiż ikun jista’ jmexxi lilu nnifsu,” qal Johnson. Huwa semma wkoll bħala eżempju n-nies Brittaniċi li għażlu li jitlaqqmu kontra l-coronavirus għax riedu jkomplu b’ħajjthom u xebgħu jisimgħu dak li kellhom jagħmlu minn nies bħalu.

Ekonomija

Sport