Saturday, November 23, 2024

Il-PM Ingliż Rishi Sunak jindika li mhux se jsejjaħ l-elezzjoni qabel it-tieni nofs ta’ din is-sena 

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak indika li mhux se jkun qiegħed isejjaħ elezzjoni ġenerali qabel it-tieni nofs ta’ din is-sena. 

Matul il-jum tal-Ħamis, Sunak qal li hija “s-suppożizzjoni tax-xogħol tiegħu” li l-vot jissejjaħ fl-aħħar parti ta’ din is-sena, li jagħtih aktar żmien biex ibiddel id-distakk tal-konservattivi fis-sondaġġi. Id-data ta’ meta tissejjaħ l-elezzjoni tibqa’ f’idejh.

“Is-suppożizzjoni tax-xogħol tiegħi hija li se jkollna elezzjoni ġenerali fit-tieni nofs ta’ din is-sena u sadanittant għandi ħafna ħidma li rrid inkompli biha,” huwa qal waqt żjara f’Nottinghamshire.

Filwaqt li ma eskludiex li jsejjaħ elezzjoni f’Mejju, kif kien imbassar minn uffiċjali ogħla Laburisti, Sunak tenna l-intenzjoni tiegħu li ssir fit-tieni parti tas-sena. “Irrid nibqa’ għaddej bil-ħidma, nimmaniġġja l-ekonomija b’mod tajjeb u nnaqqsu t-taxxi, imma rrid nibqa’ nindirizza l-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari,” qal Sunak. “Għad baqagħli ħafna x’nagħmel u ninsab determinat li nibqa’ għaddej u nikseb ir-riżultati għall-poplu tar-Renju Unit.”

Sunak għandu jsejjaħ l-elezzjoni minn tal-inqas sa Jannar 2025, iżda f’diversi okkażjonijiet huwa rrimarka li l-intenzjoni tiegħu hi li l-elezzjoni ssir din is-sena. Madankollu, il-Prim Ministru ma kienx speċifiku dwar meta ppjana li jagħmel dan, u dan wassal għal spekulazzjoni li tista’ ssir mal-elezzjonijiet lokali f’Mejju jew inkejja tissejjaħ fil-ħarifa, meta l-Membri Parlamentari u l-votanti jirritornaw mill-vaganzi tas-sajf. 

Sport