Monday, December 23, 2024

Il-PM isostni li l-gvern mhux se jagħmel l-iżball li jagħfas il-brejk tal-progress

Il-PM jisħaq li Malta se tibqa’ fuq quddiem għax qed naħdmu biex niksbu aktar

Aqra wkoll

“Malta trid dejjem tipprova u tibqa’ tikseb iktar il-fiduċja, iġġib il-fiduċja u s-suċċess iġib is-suċċess. Meta atleta jikkuntenta b’dak li jkun laħaq, iċ-ċans huwa li fit-tellieqa ta’ wara lanqas jasal s’hemm, iżda dak l-atleta li juża l-aħjar tiegħu bħala l-bażi, iċ-ċansijiet huma li fit-tellieqa ta’ wara jikser ir-rekord tiegħu stess.” Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’Ħad-Dingli f’analoġija mal-isports meta qabel it-tmexxija ta’ pajjiżna ma’ atleta li qed ikompli jaspira li jkompli jikseb riżultati aħjar. Abela qal li l-aqwa riżultat għandu jibqa’ l-bażi biex fuq nibnu u nkomplu niksbu riżultati aħjar.

Processed with VSCO with g6 preset

Il-Prim Ministru rrefera għall-konferenza li ġiet organizzata mill-presidenza u qal li fost l-ikbar sfidi li tkellem dwarhom ma’ mexxejja oħrajn ta’ pajjiżi kbar hemm il-mentalità. Sostna li ssib min jgħid li kemm ilu l-Partit Laburista fil-gvern, il-qagħda tan-nies tjiebet ħafna, il-progress tal-pajjiż tjieb ħafna, il-qagħda tan-negozji tjiebet ħafna u allura wasal iż-żmien li mmorru għall-brejk. “Jien ngħid li kieku aħna nagħtu piż lil dik l-idea tkun l-ikbar żball li nistgħu nagħmlu u dak huwa żball li dan il-gvern mhu se jagħmel qatt”, sostna Abela filwaqt li rrimarka li fl-aħħar ċifri ppubblikati t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa darbtejn u nofs iktar mill-bqija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

Il-PM iħeġġeġ lill-investituri biex ikomplu bil-viżjoni tal-progress

Il-Prim Ministru kompla biex iħeġġeġ lill-investituri kollha biex javviċinaw lill-gvern bi proġetti b’saħħithom. “Ejjew bi proġetti li jħaddnu din il-viżjoni ħalli ngħinukom tagħmluhom realtà. Din hi viżjoni mġedda li tista’ taħdem f’kull settur. Għax bil-prijoritajiet il-ġodda, iva l-prijoritajiet il-ġodda, jfisser li se nagħmlu aħjar, aqwa. Nafu sew x’inhuma x-xewqat tal-Maltin u l-Għawdxin. Nafu sew x’inhuma l-affarijiet li jħassbuhom. Għalhekk il-ħin kollu nanalizzaw dak li jkun għaddej.  Biex imbagħad  il-viżjoni li npoġġu ‘l quddiem tindirizza dan kollu. U hekk qed nagħmlu.” Żied jgħid Abela filwaqt li saħaq kif dan il-Gvern se jibqa’ jappoġġja lil kull min f’pajjiżna għandu ideat u proġetti li joħolqu l-impjiegi. Ideat u proġetti li jgħollu l-livell tal-prodott li noffru, għall-Maltin u għat-turisti.

“L-imprendituri tal-affari tagħhom li f’pajjiżna jaraw potenzjal biex jinvestu u dak li bnew b’tant sagrifiċċju, Malta trid tiftħilhom il-bieb. Mhux akkost ta’ kollox, imma b’sens u bi prijoritajiet ġodda… Se nagħmlu ċert li l-offerta lill-investituri se tibqa’ fost l-aħjar fl-Ewropa. Kif għamilna fil-passat, konvint li se nagħmlu fiż-żmien li ġej. Pajjiżna se jibqa l-post naturali fejn investitur iħoss li jista’ jmexxi l-proġetti tiegħu… Għax il-ħaddiem igawdi biss meta jinħoloq ix-xogħol. Il-ħaddiem igawdi biss jekk nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet biex Malta tibqa’ kompetittiva.  Din il-ġimgħa rreġistrajna l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.  U jaslu dawn ir-riżultati għax għandna l-kuraġġ nieħdu d-deċiżjonijiet f’kull settur,” kompla Robert Abela.”

Robert Abela semma wkoll kif fl-aħħar jiem tkellem mal-imsieħba soċjali fuq it-tliet pilastri importanti fil-viżjoni ekonomika tagħna. Viżjoni ekonomika li trid teħodna lejn prosperità ġdida b’ekonomija bbażata fuq il-ħiliet, it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra u li nibqgħu niddifersifikaw.

“Il-poplu aħna rriduh jikseb aktar. Din il-ġimgħa kkonfermajna li fl-ewwel kwart tas-sena li l-ekonomija tagħna kibret b’darbtejn u nofs ta’ dak li kibret l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea. Hemm ukoll fuq quddiem. Għax hemm ukoll Team Malta magħqud, negozji u ħaddiema flimkien, iġib ir-riżultati. U rrid nerġa’ nenfasizza dalgħodu li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja lil kull min f’pajjiżna għandu ideat u proġetti li joħolqu l-impjiegi. Ideat u proġetti li jgħollu l-livell tal-prodott li noffru, għal Maltin u għat-turisti,” qal il-Prim Ministru.

Investiment bla preċedent wassal biex tim Malta kiseb rekord ta’ midalji 

“Kemm kellna ġimgħa sabiħa. X’esperjenza sabiħa naraw f’Malta l-organizazzjoni mill-aqwa, tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar.  Dak li ħdimna tant għalih bħala pajjiż, ksibnih.”

Hekk iddeskriva din il-ġimgħa pożittiva u ta’ riżultati sbieħ il-Prim Ministru ta’ Malta u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela fejn mhux biss esprima s-sodisfazzjon tiegħu iżda rringrazzja lill-atleti u l-voluntiera li taw sehemhom u tal-imħabba tagħhom għall-isport u għal pajjiżna. 

Il-Prim Ministru aċċena l-investiment fit-taħriġ tal-atleti kien prijorità. Tpoġġew riżorsi bla preċedent u finanzi li qatt ma kienu disponibbli qabel. Qal ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jitlestew aktar kumplessi li ma ntużawx fil-logħob, anke għax uħud huma ta’ dixxiplini sportivi li f’dan il-logħob ma kinux inklużi. Dan se jkun qiegħed isir b’investiment ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ ewro.

Ekonomija

Sport