Saturday, December 21, 2024

Il-PM iżur ċ-Ċentru ta’ matul il-Jum f’Birkirkara

Aqra wkoll

Dan budget ġust mal-pensjonanti, b’miżuri mfassla mill-anzjani stess, mibni fuq il-ħtiġijiet tagħhom filwaqt li jindirizza realtajiet speċifiċi.

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel fiċ-Ċentru ta’ matul il-Jum f’Birkirkara, ċentru fil-komunità li jassigura li l-anzjani jibqgħu attivi.

L-istess għan wara l-miżuri mħabbra fil-Budget 2024 għal Malta Ġusta, b’miżuri li filwaqt li jassiguraw kwalità tal-ħajja tajba għall-anzjani, jsostnuhom biex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl-irħula u l-ibliet madwar Malta u Għawdex. Il-Prim Ministru spjega li huwa dan li nkunu qegħdin infissru meta nitkellmu dwar ekonomija b’saħħitha, għaliex huwa biha li nistgħu nwieżnu lin-nies, filfatt dan hu budget bl-ikbar nefqa soċjali li qatt saret f’pajjiżna.

Jixhdu dan huma fost oħrajn miżuri li se jissarrfu f’żieda ta’ €780 lill-pensjonanti kollha, l-akbar żieda li qatt ħadu l-pensjonanti f’sena waħda, iż-żieda fl-iskema Carer at Home li żdiedet minn €7,000 għal €8,000 kif ukoll dik li se tfisser żieda fl-għotja għall-anzjani li jkunu għadhom jgħixu f’darhom jew f’dar tal-anzjani li għaliha jħallsu totalment minn buthom, għotja li se jgawdu minnha 48,000 anzjan b’investiment ta’ €16-il miljun. Kif ukoll miżuri oħra li jinċentivaw lill-pensjonanti li jaħdmu, b’17,000 pensjonant se jgawdu minn inqas piż fit-taxxa b’investiment ta’ €27 miljun, li jfisser ukoll li se jgawdu minn titjib ta’ kważi 30% fil-pensjoni.

Il-Prim Ministru rrefera ukoll għal dawk il-miżuri li huma iżjed speċifiċi bħaż-żieda tar-romol li hija ta’ €17 fil-ġimgħa u dik għal persuni li jiddependu biss mill-pensjoni tal-25 sena servizz f’korp dixxiplinat, li għall-ewwel darba se jieħdu bonus bil-COLA sħiħa. Flimkien ma’ dawk il-pensjonanti b’inġustizzja ta’ qabel l-1962 li bdejna nindirizzaw il-karba tagħhom. Huwa żied jgħid li għalhekk dan huwa budget li fassalnieh man-nies, u li se jeħodna fit-tul għax filwaqt li jindirizza r-realtajiet tal-ġurnata jaħseb għall-Malta ta’ Għada, biex ikollna Malta Ġusta għall-ġid tal-Komunità.

Min-naħa tagħhom l-anzjani kellhom kliem ta’ apprezzament għall-mod ta’ kif Gvern Laburista dejjem żammhom bħala prijorità u fiċ-ċentru ta’ ħidmietu. B’dawn l-anzjani b’sodisfazzjon innutaw li hija permezz ta’ miżuri bħal dawn li huma jistgħu mhux biss jgħixu fil-komunità li huma parti minnha imma jgħixu ħajja ta’ kwalità viċin dawk l-aktar għeżież għalihom.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea, mill-Kap Eżekuttiv għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo Degabriele u mis-Sindku ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech.

Ekonomija

Sport