L-impjant tal-asfalt u t-tarmak li kien hemm ippjanat li jsir fl-Imqabba mhux se jsir. Hekk ħabbar il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qiegħed jindrizza Mass Rally, fiż-Żurrieq, bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’ bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Il-Prim Ministru spjega kif saret ħidma fuq livell ta’ Gvern biex ir-residenti ġew mismugħa. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dan qed isir id f’id ma’ ħidma ta’ Gvern li għalaq impjanti li ħallew impatt negattivi fuq in-nies. Dr Abela nnota wkoll deċiżjoni li kien ħa Gvern Nazzjonalista fl-2006 meta meded kbar ta’ art verġni daqs is-Siġġiewi kollu, ingħataw għal żvilupp. Il-Prim Ministru spjega li filwaqt li llum il-Gvern ma jistax jieħu lura drittijiet li ngħataw lin-nies, fejn l-art inkwistjoni hi pubblika u mhux mimsusa, allura l-Gvern mhux se jiżviluppahom jekk mhux għall-ġid tal-komunità.
Il-Mexxej Laburista qal ukoll li Gvern Laburista jrid ikompli jżid il-proġett ambjentali u semma l-eżempju ta’ Pjazza Karmelitani, li hi art li qiegħda għall-iżvilupp imma fiha l-Gvern se jagħmel spazju miftuħ ieħor għall-familji. “Dawn l-inħawi fiż-Żurrieq u l-madawar min tahom l-ikbar importanza, Gvern Laburista jew l-establishment?”, staqsa l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru rrimarka għall-inizjattivi u ħidma li saret matul din il-ġimgħa. Mit-tħabbira ta’ €6 miljun investiment fin-nies li jieħdu servizz aktar malajr tal-IVF fil-privat, għal ftehim kollettiv li jolqot sebat elef ħaddiem f’livelli tekniċi fis-settur pubbliku għal prinċipju importanti li ġie milqugħ tajjeb waqt żjarat li kellu l-Prim Ministru, dak ta’ equal pay for equal work.