“Jalla tagħlaq illum qabel għada. Jalla jekk hemm bżonn billejl tibqa’ għaddejja bix-xogħol, għada tibqa’ għaddejja bix-xogħol, pitgħada tibqa’ għaddejja bix-xogħol u tagħlaq. U l-ġimgħa d-dieħla kif inhu mistenni tibda l-inkjesta pubblika. Inkjesta ma tidħolx fuq oħra u nappella biex dan jiġri anzi.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li żamm mal-kelma tiegħu li l-inkjesta Maġisterjali għandha tkun l-inkjesta li twassal biex jekk hemm min hu responsabbli jitressaq biex jingħata s-sanzjonijiet li jixraqlu.
Mistoqsi rigward il-Partit Nazzjonalista u l-mod ta’ kif ġab ruħu quddiem din is-sitwazzjoni, il-Prim Ministru sostna li l-Partit Nazzjonalista mhux mill-ġustizzja jinteressah imma li jirkeb il-karru politiku b’tali mod li joħloq inċident politiku u jiġi altament jaqa’ u jqum mill-ġustizzja.
“Il-Partit Nazzjonalista m’għandux x’joffri lil dan il-pajjiż u allura jipprova jirkeb fuq il-weġgħat ta’ familja li tinsab fraġli għax tilfet lill-għeżeż tagħha”, kompla biex jgħid il-Prim Ministru filwaqt li kompla biex jisħaq li l-familja ta’ JeanPaul m’għandha tirringrazzja lil ħadd, għax dak li qiegħda titlob huwa tagħha bi dritt.
Il-Prim Ministru kompla bil-ħsieb tiegħu rigward il-bżonn li l-Maġistrat inkwerenti tagħlaq kemm jista’ jkun malajr biex l-inkjesta pubblika ma tispiċċax tirkeb fuqha, anzi tkun il-bażi biex fl-aħħar mill-aħħar issir ġustizzja. Hawnhekk Dr Abela mill-ġdid saħaq li f’dan l-istadju l-importanti hu li jżomm il-wegħda tiegħu li jimxi dan il-vjaġġ lejn il-ġustizzja mal-familja ta’ JeanPaul Sofia.
Oppożizzjoni li xekklet ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Daphne Caruana Galizia
Dr Abela tkellem ukoll dwar l-eventwalità ta’ rakkomandazzjonijiet fejn tidħol l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li f’dan l-istadju baqa’ numru minnhom li għadhom twettqux u fakkar li anke quddiem dawn ir-rakkomandazzjonijiet il-Partit Nazzjonalista xekkel il-proċess billi opponiet fost l-oħrajn fl-emendi fejn tidħol il-protezzjoni tal-ġurnalisti. Barra minn hekk huwa fakkar li f’sena gvern immexxi minnu rnexxielu joħroġ mil-lista l-griża b’numru ta’ riformi kontra l-korruzzjoni li llum pajjiżi oħra li jinsabu fuq din il-lista qegħdin iħarsu lejhom bħala viżjoni biex jitneħħew mil-lista bħalma għamel pajjiżna.
Mistoqsi rigward il-fatt li hu ħalla pajjiżna fuq yacht ftit sigħat wara li l-parlament ivvota kontra l-inkjesta pubblika, il-Prim Ministru kien ċar li “jien li nista’ ngħidlek huwa li naħdem il-ħin kollu, il-ħsieb tiegħi huwa ffukat fuq il-pajjiż il-ħin kollu, id-deċiżjonijiet noħodhom kull fejn inkun il-ħin kollu, il-Ħadd li ġej se nkun qiegħed Ruma bl-istedina tal-Prim Ministru Meloni biex inkomplu naħdmu kontra l-problema kbira tal-immigrazzjoni, ilbieraħ kont fi Brussell għal summit mal-mexxejja Ewropej u mexxejja oħrajn u nassigurak minn ħidma kontinwa biex immexxu dan il-pajjiż ’il quddiem”, kompla biex jispjega l-Prim Ministru filwaqt li sostna li se tkun l-inkjesta Maġisterjali se tkun proprju dik li twieġeb għas-sentiment tan-nies.
“Ħadd mhuwa insindakabbli”
Il-Prim Ministru qal li mhix kwistjoni ta’ riżorsi, iżda kwistjoni ta’ realtà b’numru ta’ membri tal-ġudikatura li qed jagħtu l-massimu u oħrajn li qed jużaw l-awtonomija tagħhom biex jibagħtu messaġġ li huma insindakabbli. Sostna li ħadd mhuwa insindakabbli inkluż hu li minn żmien għal żmien jingħata ġudizzju min-nies.
“Waħda mir-riformi li qed nikkunsidraw u niddiskutu bħalissa hija li l-vittmi jingħataw drittijiet ġodda f’inkjesta Magisterjali… B’dik ir-riforma niżguraw li bħalma ġara f’każ bħal dan, il-familja jkollha ċertu drittijiet li tipparteċipa fl-inkjesta, tkun taf x’qed jiġri bħala timeline”, kompla biex jispjega l-Prim Ministru filwaqt li semma l-laqgħa li kellu ma’ omm u missier JeanPaul Sofia li minnha rriżulta d-dispjaċir tagħhom li għadhom ma tawx ix-xhieda tagħhom.
Għall-mistoqsija rigward il-fatt li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li ftit sigħat qabel issejħet l-inkjesta Pubblika qal li hu favuriha, Dr Abela qal li dan jikkonferma kemm il-ħsibijiet tagħhom jikkonverġu hekk kif hu kien qiegħed jgħid li jekk l-inkjesta Maġisterjali tingħalaq u jkun hemm affarijiet li dik l-inkjesta ma tiddeterminahomx, kien se jsejjaħ inkjesta Pubblika.
“Li kieku ħriġt mill-ġenb illum qegħdin tistaqsuni jekk kontx qed nipprova naħrab”
Rigward il-fatt li l-Prim Ministru ħareġ mill-entratura prinċipali ta’ Kastilja, il-Prim Ministru qal li ħass li kien għadda biżżejjed ħin biex fid-9:30 p.m il-folla bdiet tonqos u seta’ joħroġ minn hemm. Huwa kien ċar li li kieku ħareġ mill-ġenb kieku l-ġurnalist quddiemu kien se jkun qiegħed jistaqsih jekk kienx qiegħed jipprova jaħrab u fl-istess waqt irringrazzja lil missier JeanPaul Sofia li qalb dik il-konfużjoni mar fuqu u qal li kien se jkun hu li jimxi dik it-triq miegħu, anke minħabba ċertu rabja fost il-folla preżenti.
“Bżonn ta’ iżjed dixxipplina fost is-soluzzjonijiet”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-fatt li kif inhu xieraq, il-pubbliku qiegħed jistenna soluzzjonijiet għal problemi bħalma huwa t-traffiku u hawnhekk kien ċar li se jkun hemm bżonn li fiż-żmien li ġej se tkun qiegħda tiżdied id-dixxiplina kontra min jiġi jaqa’ u jqum minn ħaddieħor. Tkellem ukoll dwar trasport alternattiv bħalma huwa t-trasport bil-baħar li hu bħala mexxej tal-pajjiż jemmen ħafna fih. Fakkar ukoll f’affarijiet oħrajn li introduċa dan il-gvern fosthom trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u trasport għall-iskejjel ukoll. Sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid metodu li l-karozza ssir privileġġ ta’ min jiflaħ u din hija xi ħaġa li minkejja li għad fadal ħafna xi jsir, ma jixtieqx li jasal s’hemm.
“Ironika li l-Oppożizzjoni tagħmel tali talba”
“Xhur twal ilu ddedikajna €90 miljun biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni. Anke meta l-popolazzjoni kienet ħafna u ħafna inqas minn dik tal-lum, il-heatwave kienet twassal għal qtugħ fil-provvista”, kompla biex iwieġeb il-Prim Ministru rigward il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku f’xi lokalitajiet. Huwa qabbel il-powerstation u l-interconnector mal-qalb ta’ bniedem li f’dan l-istadju huma b’saħħithom iżda baqa’ l-bżonn li nindirizzaw il-cabling li b’aktar fondi mill-Unjoni Ewropea, din is-sistema se tkompli tissaħħaħ.
Rigward is-sejħa tal-Oppożizzjoni li qalet li l-gvern għandu jikkumpensa lil dawk kollha li qegħdin ibatu mill-qtugħ fil-provvista, Dr Abela qal li din hija ironika minħabba li l-istess Oppożizzjoni trid prezz skont dak tas-swieq barranin u li mingħajr l-investiment tal-gvern Malti li investa mal-€400 miljun biex iżomm l-istabbiltà,
kieku llum għandna poplu li ma jaffordjax jixgħel l-arja kkundizzjonata.
“Motivati li nibqgħu naħdmu fl-aħjar interess tal-poplu”
“Motivat biex inkompli naħdem iżjed u minn hawn sa 11-il xahar ieħor meta mmorru għal test elettorali ieħor se jkun dan li jkompli jirrifletti kemm se nkunu kapaċi li noffru riformi li jilħqu l-aspettativa tan-nies”, temm jgħid il-Prim Ministru filwaqt li fakkar kliemu fl-aħħar elezzjoni elettorali li test elettorali jitlaq minn riżultat ta’ xejn b’xejn u għalhekk dan il-gvern determinat li jibqa’ jaħdem kemm jiflaħ biex ikompli joffri l-aħjar għall-poplu tiegħu.