Friday, December 13, 2024

Il-PM jinawgura ċ-Ċentru tar-Riżorsi fl-MCAST b’investiment ta’ aktar minn €9 miljun

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawgura ċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-MCAST.

Dan qed isir b’investment ta’ aktar minn €9 miljun u se jkollu l-isem tal-Professur mibki Oliver Friggieri.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-edukazzjoni li trid tkun il-bażi biex nibnu l-prosperità l-ġdida. Qal li ma nistgħux inħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu jekk illum ma ninvestux fil-ħiliet ta’ għada. 

“Irid ikun ukoll għada li jara setturi ġodda jikbru u jarana kompetittivi u aktar attraenti minn pajjiżi oħra, għaliex qed ninvestu kmieni fil-kapital uman. Kull wieħed u waħda minnha għandu x’joffri u l-esperjenza edukattiva hija dik li tgħina nifhmu x’inhija l-aspirazzjoni tagħna. L-edukazzjoni – dik li twittilna t-triq biex nisfruttaw il-ħafna opportunitajiet li joffri dan il-pajjiż,” qal Abela.

Qal li meta jgħidu li din hija Malta li jridu għal uliedna jkunu qed jirreferu għal Malta fejn bil-ħila tiegħek tista’ tasal fejn tixtieq. Qal li l-edukazzjoni mbagħad ma tieqafx mat-tagħlim li nieħdu mill-bankijiet tal-iskola iżda tkompli b’kull tagħlim ieħor li nkunu esposti għalih matul il-ħajja.

Qal li dan l-investiment li qed jiġi inawgurat, imur ferm lil hinn mill-binja nnifisha. Żied jgħid li l-investiment fl-infrastruttura edukattiva huwa investiment dirett fl-istudenti u l-edukaturi. 

Semma kif qed jiġu investiti miljuni ta’ ewro fl-edukazzjoni. Iżda, qal, li jkun inutli jekk ma jarawx li jelevaw il-kwalità u qal li din issir billi jifhmu li l-edukatur huwa l-akbar sors ta’ ispirazzjoni għall-istudenti tagħna.

Dr Abela qal li l-investiment ma jonqosx u dan huwa rifless fl-ispiża rikurrenti fl-edukazzjoni li minn €157 miljun fl-2021 issa telgħet għal €353 miljun. Apparti minn hekk, Dr Abela qal li rduppjaw ukoll l-ispiża kapitali – id-doppju ta’ dik ta’ €44 miljun fl-2013, għal €93 miljun.  Dan apparti mill-fatt li żiedu b’1,914 in-numru ta’ full timers fl-edukazzjoni pubblika mill-2013 sal-lum. Dan ifisser li kull jumejn żdied edukatur ġdid ma’ dak li kien hemm.

Qal li għax l-investiment irid ikun fl-istudenti nfushom, mal-faċilitajieit u r-riżorsi reġgħu żiedu l-istipendu tal-istudenti, din id-darba b’10%. Żied jgħid li biex jippremjaw il-bżulija, kull student li huwa eliġġibbli għall-istipendju u li jaħdem sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa jibqa’ eliġibbli għall-istipendju.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima qal li l-iktar ħaġa sabiħa fl-edukazzjoni hija li fiċ-ċentru tagħha jkollok l-istudent. Tkellem dwar edukazzjoni importanti li permezz tagħha t-tfal tagħna jkollok il-ħiliet neċessarji biex ikunu l-irġiel u n-nisa biex għada pitgħada jridu jmexxu dan il-pajjiż. Qal li llum il-ġurnata qed ngħixu f’villaġġ globali u għalhekk huwa kruċjali li s-sistema edukattiva tagħna tkun tal-ogħla livell u li tagħti r-riżorsi kollha neċessarji lill-edukaturi tagħna biex ikomplu bil-vokazzjoni tagħhom.

Qal li bi pjaċir illum qed naraw żvilupp importanti, dak ta’ binja ġdida li saret wara ħafna koordinazzjoni bejn diversi setturi. Qal li hawnhekk toħroġ xi ħaġa importanti – l-idea li l-MCAST joffri s-servizzi tiegħu mhux biss fil-ħinijiet tradizzjonali iżda jkun miftuħ għall-komunità għax bħala pajjiż qal li jemmnu li kull wieħed u waħda minnha għandu jingħata l-aqwa edukazzjoni mit-twelid sal-età aktar avvanzata.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li parti kbira minn dan l-investiment ġejjin minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Qal li l-MCAST hija waħda mill-aktar entitajiet edukattivi li tul is-snin, kemm Malta ilha parti mill-UE, li bbenefikat mill-fondi Ewropej. Żied jgħid li dan mhux biss investiment fil-bini u fl-infrastruttura imma investiment fil-futur, fil-ħiliet, ta’ kif aħna nfaslu għall-futur u ta’ kif nattiraw aktar żgħażagħ lejn din l-istituzzjoni bħala opportunità biex ikomplu fit-tagħlim tagħhom.

Qal li din hija konferma oħra kemm bħala Gvern, b’mod konkret, qed jinvesti fil-qasam tal-edukazzjoni. Żied jgħid li dan huwa messaġġ ċar, liema messaġġ iridu jkomplu jibnu fuq il-ġejjieni u qal li din il-binja hija parti minn investiment aktar wiesa’. Fil-fatt hemm ippreparati u mħejjija madwar €32 miljun għal dan il-proġett fl-intier tiegħu, pero din il-parti tal-proġett se tkun qed tiswa madwar €9.3 miljun.

Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST Prof Joachim James Calleja qal li din il-binja se tkun qed isservi kemm għal studenti li għandhom bżonn ta’ għajnuna speċjali, għajnuna f’dak li huwa taħriġ u edukazzjoni aktar minn ħaddieħor, pero se sservi wkoll għal dik li hija riċerka u innovazzjoni. Barra minn hekk fis-sulari ta’ fuq se jkun hemm librerija u naħa mill-binja se tkun post fejn wieħed jista’ jissoċjalizza u fejn artisti jew nies oħra jistgħu jesebixxu l-ħiliet li għandhom.

Qal li għalhekk li fl-istrateġija li nedew qalu li dan huwa kulleġġ miftuħ għan-nies. Fost l-oħrajn qal li t-tama tiegħu li din il-binja tkun miftuħa biex nagħtu dinjità lix-xogħol tal-id.

Qal li semmew din il-binja għat-tifkira tal-Prof. Friggieri għaliex jaħseb li dan il-ġgant tal-letteratura Maltija kien bniedem li xtaq li bit-tagħlim jersaq aktar qrib lejn il-karriera li jixtieq u lejn ħajja ta’ kwalità aħjar. Qal li jittama li bil-librerija li għandhom, bit-tama li tinfetaħ ukoll bil-lejl, tiġi użata b’mod għaqli u fisser li fiha hemm 80 kompjuter ġdid.

Ekonomija

Sport