Friday, December 27, 2024

Il-PM jinawgura dar residenzjali fil-komunità Għawdxija għal persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura Dar Madonna ta’ Pinu f’Għajnsielem, Għawdex, dar residenzjali fil-komunità Għawdxija għal persuni b’diżabilità b’investiment ta’ €800,000.

Din ir-residenza hi mmexxija minn Fondazzjoni Arka, li b’investiment ta’ €400,000, xtrat u rranġat din ir-residenza sabiex tkun abitabbli. Min-naħa tiegħu, il-Gvern, permezz ta’ Aġenzija Sapport, investa €400,000 oħra fuq medda ta’ tliet snin biex issir is-superviżjoni u l-assessjar tal-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu minn dan is-servizz.

Din ir-residenza tilqa’ sa ħames residenti rġiel u nies, kollha adulti. Il-persuni li jgħixu f’din id-dar huma kollha semi-indipendenti u huma kollha Għawdxin.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-importanza ta’ proġetti bħal dawn, biex persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità.

“Il-ħajja u s-sehem attiv fil-komunità huma t-triq ’il quddiem biex niżguraw inklużjoni vera. Huwa għalhekk li proġetti bħal dawn se jibqgħu jsibu l-investiment tal-gvern. Filwaqt li jeħtieġ li nkomplu nibnu djar residenzjali ġodda fil-komunitajiet għal persuni b’diżabilità, qed ninvestu f’aktar servizzi ġodda ta’assistenza personali u skemi li bihom persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja attiva fil-komunità li trabbew fiha.”

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli qalet li dan l-investiment ikompli jibni fuq id-diversi inizjattivi li saru biex persuni b’diżabilità jkollhom ħajja dejjem aktar indipendenti.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-gvern għamel investimenti kbar fis-settur soċjali f’pajjiżna u mhux b’inqas f’Għawdex.

“Bħala Ministeru għal Għawdex, ħdimna ma’ diversi organizzazzjonijiet, fosthom ma’ Fondazzjoni Arka, sabiex inkunu ta’ spalla ma’ min l-aktar jeħtieġ fis-soċjetà, hekk għamilna u hekk se nkomplu nagħmlu,” qal il-Ministru Camilleri.

Hu fakkar fil-ħidma konġunta li saret matul dawn l-aħħar snin, fejn Dar Arka bbenefikat minn bosta inizjattivi ewlenin, fostom il-ftehim li sar f’Ġunju, fejn il-Fondazzjoni ngħatat xejn inqas minn €2.12 miljun.

Fondazzjoni Arka, li tmexxi din id-dar, għandha wkoll żewġ residenzi oħra li huma Dar Arka li toffri servizz residenzjali u respite kif ukoll Dar Ġublew tal-Ħniena li hija wkoll dar residenzjali.

Ekonomija

Sport