Friday, May 3, 2024

MALTA FLIMKIEN WARA ROBERT ABELA

Aqra wkoll

Bħal-lum ġimgħa, il-Prim Ministru ħabrilna d-data tal-elezzjoni. Mument opportun għal Malta fejn issa huwa l-waqt li l-poplu jagħmel l-għażla tiegħu u jiddeċiedi l-futur ta’ pajjiżna. Għalina l-elezzjoni tfisser tiġdid tal-politika tagħna biex inkomplu nkattru l-ġid. Għan-Nazzjonalisti użaw id-data tal-elezzjoni bil-ħsieb li jistabilizzaw lill-pajjiż.

Kienu ilhom isemmu dati mis-sena l-oħra hekk kik aħna bdejna ġejjin lura għan-normalità mill-pandemija. Iżda aħna li mmexxijin minn Prim Ministru għaqli, bqajna ffukati naħdmu man-nies u naraw x’għandhom bżonn. Filwaqt li tal-PN baqgħu negattivi u jifirxu l-kelma li ġejja l-elezzjoni, dan il-Gvern fassal politika biex jixpruna l-ekonomija u jwennes lill-ħaddiema u n-negozzji. Fil-fatt salvajna mitt elf impjieg u llum irreġistrajna l-inqas rata ta’ qagħad fl-istorja ta’ pajjiżna. 

Dan il-Prim Ministru se jibqa’ mnaqqax b’ittri kbar fil-qlub tal-Maltin għax-xogħol li wettaq fi żmien meta l-pandemija heżżet lid-dinja. Fl-istess żmien li pajjiżi oħra kienu kostretti jadottaw politika ta’ awsterità u rrikorrew għat-taxxi mingħand il-poplu. F’Malta bil-maqlub. Dan il-Gvern daħal hu għall-piż u minn żmien għal ieħor ħabbar diversi mini-budgets, skemi u għajnuniet oħra biex itaffi mid-daqqa ekonomika li suppost laqtietna. Ħadd fid-dinja ma kien preparat għal dan. Ma kien hemm l-ebda manuskritt li jigwidana x’għandna nagħmlu, imma dan il-Gvern irnexxielu joħloq bilanċ ekwu bejn is-saħħa u l-ekonomija.

Issa l-Prim Minsitru ħabrilna li l-elezzjoni ġejja fis-26 ta’ Marzu. Dan għaliex wara dan kollu li għaddejna minnu, wara l-kisbiet kbar li għamilna u r-riformi li wettaqna, qed immorru quddiem il-poplu biex jerġa’ jagħtina l-fiduċja biex inkomplu nwettqu l-viżjoni tagħna lejn futur isbaħ għal uliedna. 

Quddiemna għandna għażla importanti. Partit fil-Gvern li dejjem ħabb lil Malta u li minkejja l-pandemija wettaq riformi kbar. Gvern li baqa’ jkattar il-ġid u jwennes lill-familji. Numru ta’ miżuri li qed iħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies. Qassamna l-vouchers fl-aktar mument li kellna bżonn. Ħabbarna l-aktar Budget soċjali b’numru ta’ għajnuniet immirati lejn: l-anzjani, persuni b’diżabilità, familji bl-aktar dħul baxx, żgħażagħ li jridu jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, koppji li jirrikorru għall-IVF, filwaqt li ħdimna fuq il-Governanza tajba u s-saltna tad-dritt.

Fuq in-naħa l-oħra rajna partit li huwa maħkum minn gruppi żgħar estranji minnu li jiddettaw l-agenda huma u ġabu lill-Kap tal-PN b’idu marbutin. Internament imbagħad tidher u tinħass il-qasma ta’ ħafna klikek li ma jħalluhomx jiffokaw fuq il-ħidma politika. Dawn tant  għandhom  kilba għall-poter li ħlew legiżlatura sħiħa jiġġieldu bejniethom minflokk kienu fuq in-naħa tal-Gvern meta l-aktar li kien hemm bżonn, jew biex saħansitra joħorġu bi proposti konkreti li jgħidulna kif jixtiequ jmexxu lil dan il-pajjiż.

Dan ma ġarax u issa li l-Prim Ministru sejjaħ l-elezzjoni u n-Nazzjonalisti nqabdu fuq sieq waħda!

Il-Ħadd meta tħabbret l-elezzjoni

Nhar il-Ħadd filgħodu, kont fuq il-Fosos mat-tim tiegħi nistennew id-diskors tal-Prim MInistru. Diskors imqanqal, mimli tama u kuraġġ għall-ġejjieni. Tinduna li huwa Mexxej b’viżjoni, li jaf eżatt fejn irid iwassal lil dan il-pajiż. Bil-kalma kollha jispjega dak li għamilna u fejn irridu nkomplu naħdmu. Imbagħad stajt ninnota l-entużjażmu tal-folla numeruża li attendiet għal din l-attività hekk kif ħabbar id-data tal-elezzjoni. Is-sentiment kien wieħed pożittiv, li ejja għal darb’oħra nagħtu fiduċja fil-Partit Laburista filwaqt li nwasslu messaġġ daqstant ieħor b’saħħtu li l-politika ta’ attakki personali, negattività u qtiegħ il-qalb mhumiex fil-bżonn u l-interess ta’ pajjiżna.

Imbagħad filgħaxija, il-Prim Ministru waqt konferenza stampa, ħabbar ħames proposti mmirati lejn l-ambjent, il-familji, l-anzjani, n-negozji u ż-żgħażagħ li se nkunu qed naħdmu fuqhom bħala Gvern jekk ningħataw il-fiduċja. 

Il-PN ukoll beda jikkampanja u organizza rally fejn fiha spikka s-Segretarju Ġenerali jittallab għall-flus biex jagħmlu l-kampanja u jbiegħ il-maduma għal €500!!

Il-Partit Laburista bi proposti konkreti

Il-Partit Laburista ħejja programm elettorali ambizzjuż biex fiż-żmien li ġej ikompli jibni fuq it-tajjeb u ntejbu aktar il-kwalità tal-ħajja. Dan il-Gvern se jkompli jgħin liż-żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba,  billi fuq medda ta’ għaxar snin, il-Gvern iħallas €10,000 mill-pagament tas-self.

It-tieni proposti hija wkoll ambizzjuża mmirata biex insebbħu l-ambjent ta’ madwarna. Partit Laburista fil-Gvern se jkun qiegħed jinvesti €700 miljun għal spazji ħodor filwaqt li se jiddaħħal il-kunċett tar-reklamazzjoni tal-art urbana, parkeġġi taħt l-art u l-introduzzjoni ta’ żoni pedonali f’kull lokalità għal tal-anqas fi tmiem il-ġimgħa.

Partit Laburista fil-Gvern se jkun qiegħed inaqqas it-taxxa tad-dħul li se tħalli medja ta’ €300 fis-sena lil kull ħaddiem. Din il-miżura se tingħaqad mal-€24 miljun f’rifużjoni ta’ taxxa u d-€90 miljun fis-sena sostenn lill-ħaddiema u s-self-employed.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-ġenituri mhux se jħallsu taxxa fuq dħul sal-ewwel €12,000 filwaqt li t-taxxa kummerċjali tinżel minn 35% għal 25%.

Bħas-soltu dan il-Gvern bil-fatti għandu għal qalbu l-anzjani u anke hawnhekk, il-Prim Ministru wiegħed li se jiżdiedu l-pensjonijiet bi €15 fil-ġimgħa tul il-leġiżlatura u se jirċievu l-mediċini b’xejn.

Tal-PN niżlu għall-battalja mingħajr suldati

Din il-ħidma kollha li ta’ kull ġimgħa nġib għall-attenzjoni tagħkom, qiegħda ssir minħabba li kull wieħed u waħda minnha fi ħdan il-Partit Laburista ninsabu magħqudin f’serenità flimkien wara Robert Abela. Ilkoll naħdmu f’diversi oqsma li meta niġbru kollox flimkien, il-viżjoni tal-Prim Ministru taraha titwettaq. Il-Partit tagħna huwa magħmul min-nies kompetenti li ġejjin minn setturi differenti li kollha ffukati biex inservu lil pajjiżna. 

Għalhekk il-Partit Laburista huwa l-għażla naturali fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-PN. Hekk kif suppost kienu ilhom preparati li jmorru għall-elezzjoni bdew ħerġin il-konsenturi minn kullimkien. Ġieli kellimtkom dwar il-firda li għandhom bejniethom b’diversi esponenti li rriżenjaw matul din il-legiżlatura. U dan il-pattern kompla tafux? Dan hekk kif wara li Bernard Grech qalilna li jinsabu magħqudin u preparati għall-elezzjoni, bdew jitħabbru r-riżenji, waħda wara l-oħra. Erba’ deputati ta’ esperjenza li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni li ġejja.

Frankament ma jinteressanix mill-operat tal-PN u mhux se naħli ħin nispjega x’wassal għal dan il-kollass. Dak issa jqabbdu lil min iridu huma biex jagħmlilhom rapport tat-telfa. Però onestament ħassejtni ddispjaċut meta qrajt il-kummenti li ta lill-midja d-deputat Mario Galea li deher kemm hu ddispjaċut meta qal li ġabulu ħajtu infern, b’referenza fuq l-attakki personali b’referenza għall-kundizzjoni ta’ saħħtu li hu stess kien qal li għaddej minnha.

Dawn l-attakki mhumiex xierqa fuq ħadd u allura lanqas fil-politika mhemm lok għal dan l-aġir.

Malta Flimkien

Fl-aħħar nett, irrid ngħaddilkom messaġġ ta’ tama u kuraġġ biex f’dawn il-jiem li ġejjin nibqgħu naħdmu u mmexxu l-kelma biex nassiguraw li Malta tkompli mixja ’l quddiem fit-triq it-tajba taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela. 

Irridu niddeċiedu l-futur tagħna. Irridu nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna. Inkomplu nkattru aktar ġid u nwensu l-familji. Lin-negozjanti ngħinuhom ikabbru n-negozzju tagħhom biex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol ta’ kwalità b’pagi tajbin. Irridu li l-anzjani tagħna jibqgħu igawdu l-pensjoni tagħhom li tiżdied kull sena. Dan huwa li rridu nwettqu fiż-żmien li ġej.

Biex nagħmlu dan, irridu ningħaqdu Malta flimkien wara Robert Abela.

Il-Ħadd it-tajjeb.

Sport