Wednesday, April 24, 2024

WASLET L-ELEZZJONI

Aqra wkoll

Il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar id-data tant mistennija tal-elezzjoni ġenerali. Tassew, fis-26 ta’ Marzu, il-poplu Malti ser ikun qed jiddeċiedi d-destin ta’ pajjiżna għal ħames snin li ġejjin. Il-poplu Malti ser ikun qed jiddeċiedi jekk il-Partit Laburista hux ser ikollu l-mandat biex ikompli jfassal u jwettaq il-pjan tiegħu għal Malta. Fuq kollox, il-poplu Malti ser ikun qed jiddeċiedi n-nies li ser jirrapreżentawhom għall-ħames snin li ġejjin. 

Dan huwa mument importanti għalija bħala individwu, bħala, missier, bħala impreditur u fuq kollox bħala politiku. Tassew, dan huwa l-mument għaliex jien ddeċidejt nieħu rwol attiv fil-politika. Dan huwa l-mument li jien verament nemmen li nista’ inkun il-leħen taż-żgħażagħ, tal-anzjani u tal-familji kollha f’dawn id-distretti. Dan huwa l-mument fejn jien jista’ jkolli l-opportunità niddefendi l-interessi ta’ kull resident fl-ewwel u t-tielet distrett. Dan huwa l-mument fejn jien nista’ nkun tassew l-leħen tan-nies li niltaqa’ magħhom kuljum u li f’dak il-ftit ħin li nkun magħhom jaqsmu miegħi l-ferħ, il-problemi, l-isfidi u l-ħolm tagħhom. 

Min jafni, jaf li dejjem, kont qrib in-nies ta’ kull età. U għalhekk dan huwa l-mument tant mistenni fejn jien nista’ nkompli nisħaq ġewwa l-ogħla istituzzjoni f’pajjiżna l-importanza ta’ soċjetà sensittiva għal ħtiġijiet ta’ kull faxxa tas-soċjetà Maltija u fuq il-bżonn ta’ gvern b’ruħ soċjali. Tassew, dan huwa l-mument fejn jien nista’ nieħu rwol attiv fil-politika li tara li min hu batut jingħata l-għodda biex jinqala’ mill-problemi soċjali tiegħu u jgħix ħajja diċenti. Politika tan-nies li tara li l-ġenituri jiġu ppremjati għax-xogħol li jagħmlu u jkunu kapaċi jinvestu f’uliedhom bħalma l-ġenituri tagħna investew fina. Politika li tara li ma ssirx distinzjoni bejn jekk intix mara jew raġel, iżda tippremja l-kapaċitajiet tiegħek. Politika li tara li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jingħataw l-opportunitajiet kollha li jkattru t-talenti tagħhom biex meta jasal iż-żmien li jmexxuna huma ikunu aħjar minna. Politika fein huwa rrilevanti x’kulur ta’ ġilda għandek, x’ġeneru għandek jew x’diżabilità jista’ jkollok. Politika fejn huwa prijorità li nagħmlu differenza f’ħajjet in-nies. Fuq kollox, inħoss li dan huwa l-mument fejn jien nista’ nkun parti mill-bidla soċjali, ekonomika u kulturali li l-gvern qed ifassal għal pajjiż li rridu nħallu lil uliedna.

Dan huwa l-mument fejn b’viżjoni u impenn nista’ nikkontribwixxi biex Malta tkun aħjar minn dik ta’ llum. Nista’ nikkontribwixxi biex inkomplu nwettqu flimkien ambizzjonijiet komuni li jagħmluna Maltin u Għawdxin. Ambizzjonijiet li jixprunawna inwettqu aktar ġid, aktar investiment u xogħol għall-ħaddiema u n-negozji tagħna. Aspirazzjonijiet li jarawna ninvestu aktar fl-edukazzjoni u opportunajiet għaż-żgħażagħ tagħna. Ambizzjonijiet li jarawna nkomplu ninvestu biex inwittu futur sabiħ għal uliedna, inkomplu noffru l-id tas-sapport għal dawk vulnerabbli filwaqt li nużaw l-għerf u l-esperjanza tal-anzjani biex infasslu l-politika ta’ għada. Ambizzjonijiet li jixprunawna nimplimentaw l-viżjoni ekonomika tal-gvern għall-għaxar snin li ġejjin.  Fuq kollox, ambizzjonijiet li ser jarawna nibnu Malta b’saħħitha, Malta ambizzjuża, Malta bi prospettiva u Malta stabbli. 

Dan il-vjaġġ politiku li beda miż-Żejtun, il-post fejn twelidt, għext u kabbart in-negozju tiegħi.  Iż-Żejtun, il-belt fejn irrid nibqa’ ngħix din l-esperjenza tiegħi fostkom. Vjaġġ politiku li fih determinat li nibqa’ qrib in-nies mhux biss illum li waslet l-elezzjoni, imma ilbieraħ, illum u wisq aktar wara l-elezzjoni.

Vjaġġ politiku qed nimxih fi ħdan il-Partit Laburista, il-partit li naqsam l-istess prinċipji, l-istess viżjoni soċjali u ekonomika, l-istess ħsieb għal-futur ta’ pajjiżna. Il-Partit Laburista, l-unika alternattiva kredibbli biex pajjiżna verament jilħaq il-milja tiegħu fis-snin li ġejjin u biex pajjiżna tassew iwitti t-triq għal Malta ta’ għada wara l-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu. 

Intom u jiena flimkien għal Malta tagħna. 

Sport