Saturday, May 4, 2024

“Se nibqgħu fi Kiev”… il-prijorità qed tingħata lin-nisa u tfal – persuna Maltija li tinsab fi Kiev

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Persuna Maltija li flimkien ma’ oħrajn tinsab maqbuda fi Kiev, tkellmet ma’ Talk.mt dwar is-sitwazzjoni diffiċli li qed jiffaċċjaw fi Kiev mindu l-militar Russu invada l-Ukrajna. “Għandek sitwazzjoni ta’ kaos. It-toroq tal-belt saru battala. Ħafna nies telqu. Hi xena normali li tara kjuwijiet kbar barra supermarkets u spiżeriji. Il-parir li ngħatajna mill-awtoritajiet Maltin hu biex nibqgħu hawn nistkennu fejn qegħdin peress li qegħdin fiż-żona tal-gwerra”.  Fi kliemha stess, ir-riskju ta’ periklu hu kbir ħafna jekk isir vjaġġ għal frutniera f’dan il-mument.

Din il-persuna, li xtaqet li żżomm l-identità tagħha mistura qaltilna li “l-biża’ hemm qiegħda.  Nafu u smajna b’bini li ntlaqat minn missili. Ħafna qed isibu rifuġju fil-metro, fejn fl-aħħar sigħat dan waqaf jopera ukoll. L-inċertezza hi waħda kbira.  Kien hemm xi Maltin li ħarġu fil-jiem li ġejjin. Il-prijorità qed tingħata lin-nisa u tfal. Jien se nibqa’ hawn mhux faċli f’dan il-mument tivvjaġġa għal post aktar sigur”. 

Tenniet li “qegħdin ngħixu siegħa b’siegħa. Tistenna żviluppi. Tisma l-bombi. Tara t-tbatija tan-nies. Fil-metro tara b’għajnejk it-tbatija li għaddejjin minnu.  Inħoss li fil-mument hu aktar sigur li nistkenn hawn mili nagħmel il-vjaġġ ‘l barra.  Smajna li r-Russi jinsabu ftit bogħod minn Kiev. Kif qomt dalgħodu u xrift ftit barra ħarist lejn l-arbli, u ħadt ir-ruħ rajt il-bandiera Ukrena tperper fuqhom”.

Intant il-kumpanija tal-ferroviji fl-Ukrajna ħabbret vjaġġi ta’ evakwazzjoni u dawn se jsiru minn Kiev lejn Rakhiv, Uzhorod, Truskavets, Vorokhta, Kovel, Chernivtsi u Lviv. Il-vjaġġi mhux faċli xorta, fejn is-seats huma fuq bażi ta’ min jilħaqhom l-ewwel, il-prijorità hi għal nisa, tfal u persuni bi problema ta’ mobilità. Il-persuni li se jivvjaġġaw bil-ferrovija intalbu ma jagħtux informazzjoni ta’ fejn ikunu sejrin, u ma jkunux sorpriżi jekk waqt il-vjaġġ jintużaw biss id-dwal ta’ emerġenza. 

Din l-istess persuna qaltilna li “għalkemm hemm il-vjaġġi ta’ evakwazzjoni, ir-riskju ta’ periklu f’dawn il-vjaġġi qiegħed hemm ukoll. It-tama tagħna hi li dan il-kunflitt jieqaf malajr kemm jista’ jkun”.

Sport