Saturday, December 21, 2024

Il-PM jinawgura hangar ġdid tal-SR Technics b’investiment ta’ €42 miljun

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura hangar ġdid tal-SR Technics ġewwa Ħal Luqa. Grazzi għal dan l-investiment, in-numru ta’ ħaddiema fl-SR Technics se jkun qed jitla’ għal 500 fis-sentejn li ġejjin. 

Din il-faċilità state of the art mibnija minn SR Technic, li saret possibbli minkejja l-isfidi miġjuba mill-pandemija, mhux biss se twassal għal tkabbir ta’ din il-kumpanija b’investiment ta’ €42 miljun, iżda fuq kollox se tipprovdi servizzi ta’ manutenzjoni effiċjenti u ta’ prestazzjoni għolja bbażati fuq is-sikurezza, il-kwalità u l-affidabbiltà.

Bl-investiment fuq medda ta’ 40,000 metru kwadru, SR Technics kabbret l-ispazju tagħha biex illum tista’ tagħmel xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni fuq sitt ajruplani tat-tipi B737 u A320 fl-istess ħin.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab onorat li qed jinawgura din il-faċilità li bla dubju hija waħda mill-aktar faċilitajiet teknoloġiċi avvanzati madwar l-Ewropa kemm f’termini ta’ innovazzjoni kif ukoll ta’ disinn.

“Irrid biss l-ogħla standards għal dan il-pajjiż u dan huwa dak li ħloqtu hawn. Din l-istruttura meraviljuża hija wkoll dikjarazzjoni reali minn SR Technic tal-impenn tagħha lejn gżiritna u bħala l-imsieħba tiegħek aħna nirreċiprokaw l-appoġġ sħiħ tagħna lilek u lill-klijenti tiegħek. Flimkien qed inqiegħdu l-pedamenti għal futur sigur u prosperu,” qal il-Prim Ministru.

Huwa nnota l-pandemija ħalliet effett qawwi fuq is-settur tal-industrija. “Il-messaġġ hawnhekk huwa kollu dwar dak li nistgħu nagħmlu meta naħdmu flimkien. Illum nemmen li t-triq ‘il quddiem hija tassew isbaħ. Għall-bidu, din il-faċilità state of the art se tkun id-dar ta’ mijiet ta’ impjegati u tipprovdi servizz ta’ klassi dinjija lill-klijenti tagħha. Aktar minn hekk tirrappreżenta impenn għall-innovazzjoni u investiment fil-futur ta’ Malta.”

Żied jgħid: “L-investiment ta’ SR Technic qed joħloq karrieri ġodda. Huwa għalhekk li nemmen li hemm passi immedjati li rridu nieħdu biex niżguraw il-vijabbiltà fit-tul ta’ din l-industrija. Numru wieħed, nemmen li rridu nwaqqfu ċentru speċifiku ta’ edukazzjoni fl-avjazzjoni li jaħseb għall-bżonnijiet tal-industrija.”

Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli tkellmet dwar il-fatt li Sr Technics avviċinaw lill-Malta Enterprise għall-assistenza fl-2018 iżda minħabba l-pandemija l-progress ġie ftit imxekkel. 

Tkellmet dwar il-fatt li  dan il-gvern ħa deċiżjoni konxja li jipproteġi s-saħħa pubblika filwaqt li ħadem bis-sħiħ biex isostni u jkompli jattira l-investiment. Bis-saħħa tal-Malta Enterprise aktar minn 17,500 kumpanija u intrapriża bdew jirċievu s-suppliment tal-paga.

Qalet li bħala Gvern dejjem emmen f’kumpaniji bħal SR Technics u qalet li Malta hija miftuħa għan-negozju u l-investituri jafu li fina għandhom sieħeb ta’ min joqgħod fuqu li jagħti l-appoġġ meħtieġ.

Daniel Galea, Vice President Operations ta’ Sr Technic, irrikonoxxa li dan il-proġett qed jimmaterjalizza matul l-aktar żminijiet ta’ sfidi li qed tiffaċċja l-industrija tal-avjazzjoni ċivili u dan sar possibbli grazzi għat-tmexxija, l-impenn, l-għajnuna tal-gvern u x-xogħol iebes tal-impjegati kollha

Ic-CEO ta’ Sr Technic Jean-Marc Lenz qal li dan kollu ma setax ikun possibbli mingħajr sforz kbir tat-tim. Qal li jinsab kburi li dan il-proġett se jippermetti biex fil-futur SR Technic tkompli tipprovdi servizzi ta’ kwalità għolja u manutenzjoni ta’ ajruplani ta’ kwalità għolja. Żied jgħid li dan il-hangar il-ġdid huwa wkoll opportunità kbira għall-ekonomija Maltija biex tiżviluppa dan il-cluster tal-avjazzjoni.

Il-General Manager ta’ SR Technics Malta Arthur Magri qal li dan kollu beda minn ħolma u irrikonoxxa l-fatt li biex titwettaq din il-ħolma kien hemm bżonn ta’ tim b’saħħtu u affidabbli. Qal ukoll li kien ċar li l-faċilità l-antika ma kinitx sostenibbli aktar. Żied jgħid li kellhom viżjoni ċara u tkellem dwar il-fatt li l-proġett kien mimli sfidi sa mill-ewwel jum li bdew iħaffru l-art hekk kif instabu sejbiet arkeoloġiċi. Dan segwit mill-pandemija u l-effetti tagħha fuq din l-industrija.

Ekonomija

Sport