Monday, December 9, 2024

Il-PM JINNOTA L-IPOKREZIJA TAL-PN

DEPUTATI TAL-OPPOŻIZZJONI NGAĠĠATI MAL-GVERN U MA JMORRUX FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

F’intervista li kellu mad-Deputat Editur tat-Times of Malta Mario Xuereb, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela nnota dik li sejħilha bħala l-“ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista” fejn filwaqt li fuq naħa se jkun qiegħed jorganizza protesta, fuq in-naħa l-oħra għandu Deputati ewlenin fi ħdanu li huma nġaġġati mal-Gvern ta’ Malta u li allegatament b’mod kontinwu ma jmorrux fuq il-post tax-xogħol.

Huwa għamel din l-osservazzjoni meta kien mitlub jikkummenta fuq ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-inġaġġ ta’ Amanda Muscat – illum mart il-Ministru Clayton Bartolo – fil-Ministeru għal Għawdex, fejn sostna illi d-deċiżjoni f’dan ir-rigward ħadha tliet snin qabel ħareġ ir-rapport.

“Ħadtha billi tterminajt l-impjieg tas-Sinjura Muscat. Ħadtha lura fl-2021. U ma ġiex terminat biss id-differenza fis-salarju li kellha, għax il-Kummissarju tal-Istandards jikkummenta b’mod ċar illi l-ilmentatur f’dak li jirrigwardja li qal li kien ‘job fantażma’ ma kien minnu xejn, u fir-rapport tiegħu jikkonkludi illi s-sigħat tax-xogħol inħadmu. Li dan ma kienx każ ta’ job fantażma, iżda l-persuna inkwistjoni ħadmet bħala Segretarja privata tal-Ministru, wettqet is-sigħat tax-xogħol u l-ilment ġie milqugħ biss in kwantu minn Segretarja privata eventwalment kienet ingħatat il-kariga ta’ konsulent,” qal il-Prim Ministru.

Dwar il-fatt li fir-rapport ma jingħadx li kien hu li ttermina l-impjieg tas-Sinjura Muscat, il-Prim Ministru ċċara li l-Kummissarju tal-Istandards ma kienx bagħat għalih u li kieku ġara dan kien jagħtih il-verżjoni tal-fatti. “Fuq dak ir-rapport partikolari hemm l-istadju Parlamentari quddiem il-Kumitat li jrid jieħu l-kors tiegħu u hemm deċiżjoni li trid tittieħed. Però ma nistax ma nirrimarkax fuq l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista. Se nsemmilek b’mod speċifiku. Il-Perit Toni Bezzina, li huwa impjegat mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi iżda filwaqt li jirċievi salarju ta’ €51,000 fis-sena, persistentement ma jattendix fuq il-post tax-xogħol u ma jagħti ebda servizz,” qal il-Prim Ministru.

Meta l-ġurnalist staqsieh għalfejn ma ntalbitx investigazzjoni, il-Prim Ministru kkonferma li daħal rapport għall-investigazzjoni lill-Kummissarju tal-Istandards ftit qabel bdiet l-intervista. “Jattendi biss biex jiġbor il-voucher biex jieħu d-dijżil mit-taxxi tal-poplu u jimla l-karozza tiegħu,” qal il-Prim Ministru.

Tenna li l-kwistjoni tibqa’ waħda ta’ konsistenza u kredibilità. Huwa enfasizza li b’rabta mal-imsemmi rapport ħa deċiżjoni tliet snin qabel ħareġ ir-rapport finali. Issa jmiss l-istadju tal-Kumitat, u jekk jiġix adottat ir-rapport jew le, u jekk għandux ikun hemm xi forma ta’ rimedju ieħor.

“L-aktar punt importanti li joħroġ minn dan il-każ għaliex joħroġ ukoll li l-manwal tal-ingaġġ ma jitkellimx dwar il-kwalifiki li għandu jkollu konsulent. Smajna ħafna ċifri li din il-persuna ħadet eċċess ta’ €68,000 fis-sena. Ħadt ħsieb biex nara l-eċċess, bejn dak li kienet intitolata għalih u dak li attwalment irċeviet x’kienet id-diskrepanza.

“Fil-każ tad-Deputat Parlamentari Nazzjonalista li semmejt qed nitkellmu fuq €51,000 fis-sena fuq medda twila ta’ snin. Apparti minnu, insemmi Deputat Nazzjonalista ieħor, David Agius, li għamel snin twal ma jidħolx fuq il-post tax-xogħol meta s-Segretarji Permanenti talbu għaliex, illum jidħol bil-mod ridott kif jidhirlu hu.”

“Fil-każ ta’ Amanda Muscat id-diskrepanza hi ta’ €16,000 li issa naslu għall-istadju tal-Parlamentari u wieħed irid jitħaddet dwar dak il-punt ukoll,” tenna l-Prim Ministru. “Fil-każ tar-responsabbiltajiet Ministerjali ta’ Clayton Bartolo u Clint Camilleri diġà kkummenta li ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ ma jimmeritawx li huma ma jkomplux iwettqu d-dmirijiet tagħhom.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport