Monday, December 9, 2024

Esperta Serba għażlet li ma tixhidx fil-Qorti fuq l-inkjesta Vitals

Wara li ħareġ li m għandix warrant…

Aqra wkoll

L-esperta Serba Miroslava Milenovic, li tqabbdet bħala accountant forensiku fl-inkjesta Vitals u li tħallset eluf kbar ta’ Ewro, għażlet li ma tixhidx fil-Qorti f’kawża li tinvolvi akkużi dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.

Dan l-iżvilupp seħħ il-Ħamis filghodu, erba’ u għoxrin siegħa wara li fl-istess Qorti wara insistenza mill-avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Dr Vince Galea, sar magħruf li Milenovic la għandha degree fl-accounts u lanqas warrant ta’ accountant. Fi kliemha hija saret accountant wara kors ta’ ħames xhur biss fis-sena 2000 fis-Serbja.

Talba għal investigazzjoni kriminali

Il-Ħamis ħdax-il avukat li qed jirrappreżentaw uħud mill-akkużati dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet talbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibda jinvestiga kriminalment lil Milenovic fid-dawl tax-xhieda tagħha l-jum ta’ qabel minħabba ksur ta’ diversi artikli tal-Kodiċi kriminali. Il-Kummissarju intalab jinvestiga lis-Serba fuq diversi reati fosthom li operat bħala ‘ forensic accountant’ f’Malta mingħajr jedd, li naqset milli tinforma lill-awtoritajiet bin-nuqqas ta’ kompetenza tagħha, li għamlet dikjarazzjonijiet foloz lill-entitajiet pubbliċi, li ħadet ġurament falz u li rċeviet flus li ma kinitx intitolata għalihom.

Il-Ħamis ukoll l-esperta Serba kienet mitluba terġa’ tidher fil-Qorti biex tixhed f’kawża oħra relatata mal-konċessjoni tal-isptarijiet fil-konfront ta’ Shaukat Ali. Fil-bidu tas- seduta, quddiem il-Magistrat Rachel Montebello, l-avukat ta’ Ali, Dr Shazoo Ghaznavi ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti li kienet saret talba biex Milenovic tkun investigata kriminalment.

Fid-dawl ta’ dan is-seduta ġiet sospiża. Meta s-seduta kompliet, l-avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talbu lill-Magistrat Montebello biex fiċ-ċirkostanzi kif żviluppaw, Milenovic tkun eżentata milli tixhed bilgħan li tkun tista’ tirregola l-pożizzjoni tagħha, talba li l-Qorti laqgħet.

Il-Magistrat Gabriella Vella u l-warrant

Fi żvilupp ieħor ftit minuti biss wara li l-Erbgħa filgħodu mix-xhieda tagħha sar magħruf li mgħandix la kwalifiki u lanqas warrant ta’ accountant, Milenovic dehret f’kawża oħra miftuħa kontra l-avukat tal-Istat. Hija informat lill-Qorti li kienet disposta tixhed però peress li fi kliemha waslet biex tirtira u għandha kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa, tixtieq tixhed b’mod virtwali u mhux billi tkun fiżikament preżenti fl-Awla.

Fuq il-bażi tar-rapport imħejji minn Milenovic, bħala parti mill-inkjesta tal-Magistrat Gabriella Vella, tressqu quddiem il-Qorti numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, numru ta’ eks Ministri u eks uffiċjali għolja tal-gvern fost oħrajn, li qed jiffaċċjaw sensiela twila ta akkużi serji ħafna u saru ‘freezing orders’ ta miljuni kbar ta’ Ewros.

Din il-ġimgħa fil-Qorti sar magħruf ukoll li Milenovic qatt ma informat lill-Magistrat Vella li ma kellix warrant ta’ accountant kif titlob il-liġi Maltija, minkejja li fl-inkjesta Vitals hija inħatret bħala accountant forensiku. Is-Serba xehdet li minn naħa tagħha l-Magistrat Vella qatt ma kellimtha dwar din il-warrant.

Esperti dubjuzi

Fil-ġimgħat li għaddew fil-Qorti wkoll sar magħruf li espert ieħor fl-inkjesta tal-Maġistrat Vella, l-Irlandiż Sam Sittlington, kien tkeċċa mill-gvern Ingliż fuq każ ta’ kunflitt ta’ interess meta kien qed jaħdem fil-Guyana waqt li fl-istess ħin li kien qed jaħdem fuq l-inkjesta Vitals ipprova jakkwista kuntratt mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ta madwar miljun Ewro.

Sar magħruf ukoll li espert ieħor, ukoll Irlandiż, Jeremy Harbinson, kellu kunflitt ta interess meta waqt li ħadem fuq l-inkjesta Vitals, ma ddikjarax li għal 18-il sena kien impjegat ma’ Price Waterhouse Coopers li kellhom irwol importanti fil-konċessjoni tal-isptarijiet u li iżda ftit li xejn jissemmew fl-inkjesta.

Meta Sittlington xehed fil Qorti, żewġ Magistrati differenti wissewh biex jgħid il-verità u fakkruh li jekk ma jagħmilx hekk hemm il konsegwenzi, inkluż priġunerija.

Ftit tal-ġimgħat ilu imbagħad il-kumpanija ta’ Harbinson, li ħadmet fuq l-inkjesta Vitals, ġiet iddikjarata bħala falluta.

L-inkjesta Vitals ġiet tiswa €11-il miljun, ħadet ħames snin biex titlesta u ġiet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li għadda. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport