Monday, December 9, 2024

“Niddefendu kull abbuż fuq il-ħaddiema fil-post tax-xogħol”

– Segretarju GWU Theo Vella

Aqra wkoll

Kull ħaddiem li jidħol f’impjieg ġdid għandu perjodu ta’ prova fuq il-post tax-xogħol li normalment ikun minn sitt xhur sa sena u dan jiddependi mis-salarju bażiku li se jirċievi.

Dan il-perjodu għandu jservi sabiex min iħaddem jevalwa l-prestazzjoni tal-ħaddiem konċernat. Jekk tkun prestazzjoni sodisfaċenti jibqa’ jservi fl-impjieg filwaqt li jekk ma jkunx sodifaċenti, jitwaqqaf mill-impjieg.

L-intenzjoni tal-liġi hija tajba, iżda sfortunatament jista’ jkollok persuni fl-amministrazzjoni li jabbużaw minn dan il-perjodu għal raġunijiet malinni.

It-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-General Workers’ Union ġiet ikkuntattjata dwar każ fejn qed jingħad li impjegata t’aġenzija governattiva għaddeja minn dan l-abbuż, fejn ġie deskritt li l-kollegi u s-superjuri diretti tagħha huma sodifatti bil-prestazzjoni tagħha fuq il-post tax-xogħol però l-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija konċernata diġà ddikjara magħha kif ukoll ma’ terzi, li se jwaqqafha għax mhux qed tissodisfa ż-żmien ta’ prova. Skont ma qed ikun allegat l-istess Kap Eżekuttiv konċernat qed jagħmel diversi allegazzjonijiet fuq din l-impjegata, iżda għal xi raġuni ma jridx jgħaddiha minn proċedura ta’ dixxiplina sabiex ikun hemm smigħ xieraq.

Is-Segretarju tat-Taqsima Theo Vella għamel diversi tentattivi biex is-Segretarju Permanenti responsabbli mill-Ministeru u l-aġenzija konċernata tintervjeni sabiex f’każ li hemm abbuż danjieqaf imma sfortunatament sal-lum, ma kellu l-ebda risposta.

“Aħna niddefendu lill-ħaddiema u għaldaqstant nesiġu li jkun hemm spjegazzjoni u provi ċari li juru n-nuqqasijiet ta’ din il-persuna fuq il-post tax-xogħol waqt dan il-perjodu ta’ prova,” qal Vella.

“Aħna ma naqblux u niddefendu kull aġir abbużiv fuq il-ħaddiema li jkunu qed iwettqu dmirhom tajjeb u nappellaw biex dan il-każ jingħata l-attenzjoni mistħoqqa,” żied jgħid is-Segretarju.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport