Wednesday, July 24, 2024

Il-PM jisħaq dwar il-kontribut ta’ kulħadd fl-elezzjonijiet tal-PE

Jgħid li Gvern PL kien kapaċi jwassal il-bastiment minkejja l-maltemp

Aqra wkoll

“Kienu sfidi kbar imma nemmen li l-bastiment wassalnieh”. Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’intervista li saritlu waqt il-maratona ġbir ta’ fondi tal-partit. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-ratings tal-aġenzji tal-kreditu internazzjonali li qegħdin jitkellmu b’mod pożittiv dwar pajjiżna minkejja li pajjiżi b’ekonomiji akbar minn tagħna qegħdin ibatu fejn biex jgħinu lil nieshom.

Dr Abela tkellem dwar l-attività tal-Med9 li fiha ġiet indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari. Hawnhekk huwa tkellem dwar il-ħidma sensittiva tal-politika internazzjonali. Huwa saħaq li pajjiżna minkejja d-daqs relattivament żgħir tiegħu qiegħed ikun fdat b’responsabbilitajiet kbar. 

Gvern viċin in-nies u li qiegħed jagħtihom widen

Rigward il-perċezzjoni tal-midja tal-Partit Nazzjonalista rigward gvern li għeja, Dr Abela qal li jippreferi jitkellem fuq affarijiet serji u l-gvern immexxi minnu jinsab f’qagħda ferm aħjar li jaġixxi fuq it-tħassib tan-nies għax qiegħed jinżel fit-toroq u jitkellem magħhom. Sostna li għalkemm seta’ jġib l-iskuża tal-insularità, minflok, gvern Laburista għażel li kontinwament jerfa’ ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.

Miżuri li jħallu l-flus fil-bwiet tan-nies

Minbarra dan, il-Prim Ministru tkellem dwar id-diversi miżuri li qegħdin iħallu aktar flus fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin, fosthom żidiet fil-pensjonijiet, l-akbar żieda fiċ-children allowances u l-istipendji. Dwar il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, il-Prim qal li din il-miżura li bdiet is-sena li għaddiet, il-gvern ra li din is-sena jkompli jinvesti b’fondi li jagħmlu l-mekkaniżmu wieħed sostenibbli b’95,000 familja jibbenefikaw minnu.

Għażla bejn PL li jinċentiva u PN li jissikka ċ-ċintorin

“Qed nitkellmu dwar x’nemmnu fih bħala partit. L-ikbar distinzjoni bejn iż-żewġ partiti maġġuri hija dik fil-mod ta’ kif inħarsu lejn it-tmexxija ekonomika u t-tqassim tal-ġid. Għandek żewġ maratoni għaddejjin. Meta l-Maltin jagħżlu, qegħdin jagħmlu għażla ta’ prinċipju. Bejn il-Partit Laburista li dejjem għażel politika tal-inċentiv u Partit Nazzjonalista li kull meta sab skoll, issikka ċ-ċintorin, tella’ l-handbrake u xeħet il-piż fuq in-nies u n-negozji b’konsegwenzi katastrofiċi”, żied jgħid Dr Abela.

Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-voluntiera kollha li huma u jiġbru minn wara l-kwinti jkunu qegħdin jagħmlu ħidma sfieqa billi jisimgħu lin-nies u l-ilmenti tagħhom. Tkellem dwar il-kwistjoni tal-barranin f’pajjiżna li kienet waħda mill-aħħar inkwiet tan-nies u qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni għażlet li tkun populista u filli tgħid li trid tnaqqas il-popolazzjoni għal kif kienet qabel l-2013 u fl-istess waqt esponent tiegħu jgħid li jrid iżidha b’60,000 ħaddiem ieħor, il-gvern għażel li jmur għal riforma ambizzjuża tat-temping agencies. Dwar it-turiżmu, il-Prim Ministru qal li l-gvern jifhem li hawn bżonn għadd ta’ ħaddiema barranin, iżda bl-inizjattiva tal-iSkills Card se nkunu qegħdin niggarantixxu aktar kwalità lejn pajjiżna.

Kull vot huwa sinifikanti

Dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru qal li kull tellieqa tibda xejn b’xejn u l-bżonn li tkun eliminata l-mentalità ta’ dawk li jirraġunaw li billi jibqgħu d-dar dakinhar tal-elezzjoni mhux se jkunu qegħdin jaffettwaw l-eżitu tar-riżultat.

“Ma nistgħux inħallu lill-Partit Nazzjonalista jitkellem b’nostalġija lejn il-mudell ekonomiku ta’ qabel l-2013, liema politika ekonomika ġiet riġettata mill-poplu b’vot daqstant b’saħħtu fil-Partit Laburista”, tenna Dr Abela filwaqt li ħeġġeġ lin-nies biex jagħżlu lill-kandidati tal-Partit Laburista li jħobbu lil pajjiżhom u li bil-ħidma tagħhom iridu jibqgħu jaraw lil pajjiżna jibqgħu miexi ’l quddiem.

“L-inizjattiva ta’ Giorgia Mae b’mira li t-tfal kollha jkollhom rigal dan il-Milied”

Minn naħa tagħha Dr Lydia Abela qalet li fejn tidħol il-vjolenza domestika sar ħafna xogħol u saru ħafna bidliet leġiżlattivi, iżda temmen li baqa’ ħafna xi jsir. Sostniet li temmen ħafna fis-saħħa fiżika u mentali, temmen fl-isport u proprju l-iSpecial Olympics li hu għal qalbha ħafna. Hija ma naqsitx milli tapprezza l-isforzi tal-kowċis u l-ġenituri li jagħmlu kull sforz. Fejn tidħol saħħa mentali, Dr Lydia Abela qalet li l-Partit Laburista huwa katalista tal-bidliet fis-soċjal u saħqet dwar l-importanza li l-partit jibqa’ jagħti widen għal dak li għandhom xi jgħidu n-nies.

Dwar l-attiviżmu fil-partit, hija qalet li ż-żgħażagħ Laburisti juru sinjal ta’ kuraġġ li l-partit jista’ jkompli jwassal il-messaġġ. Il-voluntiera huma importanti ħafna, iżda biex il-partit Laburista jkun jista’ jkompli bil-viżjoni tiegħu jeħtieġ li n-nies jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom ukoll.

Hija temmet tappella favur l-inizjattiva ta’ binthom Gorgia Mae ‘Rigal b’imħabba” biex bejn it-12 u l-21 ta’ Diċembru jpoġġu rigal taħt is-siġra tal-Milied li fir-raba’ edizzjoni tagħha se tkun fil-lokalitajiet kollha biex it-tfal kollha dan il-Milied ikun jista’ jkollhom rigal. Dawk li ma jistgħux jidħlu fil-Belt Valletta, jistgħu jikkontribwixxu f’din l-inizjattiva billi kull Kunsill Lokali se jkollu s-siġra tal-Milied tiegħu biex ikunu jistgħu jinġabru dawn ir-rigali.

Ekonomija

Sport