Wednesday, July 24, 2024

Jimmodifika vann sentimentali li jfakkar lil missieru, il-pedament tan-namra tiegħu għall-mudelli

48 kollezzjonist jesebixxu mijiet ta’ mudelli f’wirja f’Birkirkara

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet fil-wirja annwali ta’ Die Cast & Scale Model Society,  bl-isem ta’ “The Biggest Little Motor Show” , l-interess fost il-kollezzjonisti tal-mudelli tal-karozzi żdied sewwa. Infatti 48 kollezzjonist qegħdin jipparteċipaw din is-sena u dan huwa l-akbar numru ta’ parteċipanti f’kemm ilhom jittellgħu wirjiet mill-istess għaqda sa mit-twaqqif tagħha fis-sena 2001. 

Matul din l-aħħar sena, issieħbu diversi kollezzjonisti ġodda fi ħdan Die Cast & Scale Model Society, li 10 minnhom ser ikunu qed jipparetiċipaw għall-ewwel darba. 

Minn barra numru sabiħ ta’ mudelli ta’ karozzi antiki, moderni, sportivi, amerikani, karozzi mill-films, vetturi tal-kostruzzjoni, vetturi kummerċjali u oħrajn li kull sena ikunu ferm mistennija, din is-sena wieħed ser ikun jista’ jara varjetà ta’ dioramas li ħolqu l-kollezzjonisti stess, sabiex ikunu qed jikkumplimentaw il-mudelli esebiti fil-kollezzjoni tagħhom. 

Attrazzjoni ewlenija li żgur ser tiġbed l-attenzjoni ta’ dawk li mistennija jżuru din il-wirja, hija minjatura tal-Port il-Kbir b’bosta vapuri. Għall-wiri hemm ukoll mudelli tax-xarabanks kif ukoll diversi vetturi tas-snajja antiki maltin, maħduma kompletament bl-idejn. B’kollox għal din is-sena ser ikunu sitta l-kollezzjonisti li ser jesebixxu l-mudelli li ħadmu huma stess li bejniethom ser jesebixxu mhux inqas minn 50 mudell differenti, kollha maħduma bl-idejn minn materjal riċiklat. Wara nuqqas ta’ diversi snin, esebiti ser ikun hemm xi mudelli ta’ ajruplani tal-militar li ukoll huma mibnija bl-idejn. Bħal kull sena, l-attrazzjoni ewlenija tkun il-mudell taċ-ċirklu, uniku f’Malta fuq skala 1:50 li madwaru iddur Die Cast & Scale Model Society, mudell li nbena mill-fundatur tal-istess Għaqda Alan Saliba.

Saliba kompla fuq il-passi ta’ missieru, Tarcisio Saliba magħruf aħjar bħala Ċisju, il-fundatur ta’ din il-wirja li bdiet tittella fl-1999. Fuq qbil bejn il-membri tas-Soċjetà huwa kompla jtella’ din il-wirja minkejja li kien għad kellu biss 17-il sena.

Infatti din is-sena ċ-ċirklu ta’ Saliba kellu jikkumplimentah vann tal-għamla Ford Transit MK2 li jfakkar lil missieru Ċisju li l-għaqda ta’ kull sena kienet tistennieh ġej bih, inklużi dawk iż-żewġ faxxi fil-ġenb u r-roof carrier.

“Kull min jiftakru kulħadd jaf kemm kien għal qalbu missieri dak il-vann u anke ċ-ċirklu. Fl-aħħar irnexxieli nsib mudell simili tal-vann u b’daqsxejn modifikazzjoni rnexxieli nqarrbu għal dak reali sabiex jikkumplimenta il-mudell taċ-ċirklu, uniku f’pajjiżna”, Spjega Saliba.

“The Biggest Little Motor Show” qiegħda tittella’ fis-sala ewlenija tal-Iskola Medja fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Santa Tereża, li tinsab f’Ta’ Paris f’Birkirkara; eżattament wara d-dipartiment l-antik tal-VAT. Din il-wirja fetħet għall-pubbliku minn nhar Sibt 9 ta’ Diċembru u se tkun miftuħa sat-Tlieta bejn id-9:00 a.m u t-8:00 p.m u l-Erbgħa 13 ta’ Diċembru, Festa Pubblika, il-wirja tiftaħ mid-9:00 a.m sal-5:00 p.m. 

Ekonomija

Sport