Wednesday, October 9, 2024

Il-PM jisħaq fuq l-importanza ta’ soċjetà ħanina u empatika

… laqgħa tal-Kabinett man-nies li fiha kien diskuss is-soċjal

Aqra wkoll

“Il-prosperità soċjali. Nemmen li dak li huwa l-għan finali tagħna bħala Gvern u bħala soċjetà. U kif iġġib il-prosperità soċjali? Fost oħrajn billi jkollok aktar servizzi fil-komunità, servizzi b’saħħithom. Dan il-pajjiż għandu x-xorti li huwa mogħni bi professjonisti mill-aktar b’saħħithom. 

“Ir-realtà turina li l-isfidi li għandha s-soċjetà, mhux biss f’pajjiżna, qegħdin dejjem jiżdiedu. Fuq kollox, l-importanza li jkollna soċjetà ħanina, empatika u li esperjenzi diversi ma jkunux realtajiet li tixħithom taħt it-tapit imma realtajiet li tkun lest li taġixxi dwarhom.”

Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa tal-Kabinett li saret f’Dar San Ġużepp, Santa Venera, li fiha ġie diskuss is-soċjal. F’din il-laqgħa, li fiha saru interventi minn akkademiċi, nies involuti fl-oqsma soċjali u ċittadini differneti, mhux biss ġie rrimarkat l-investiment soċjali kbir li għamel dan il-Gvern iżda anke saret referenza lejn l-importanza ta’ servizzi fil-komunità.

Fil-bidu tal-laqgħa, il-Prim Ministru tkellem dwar il-ġustizzja soċjali u qal li din tfisser li anke jekk hemm imqar persuna waħda fi tbatija, fi sfida, f’realtà diffiċli, “dik irridu nindirizzawha”. Qal li l-budget li ġej, u li qed jitfassal anke frott il-konsultazzjonijiet mas-soċjetà, irid ikun b’saħħtu fl-indirizzar tal-prijoritajiet tan-nies. Hawn semma kif irridu nkomplu nsaħħu l-middle-class ta’ pajjiżna. 

Dr Abela nnota kif l-investiment soċjali fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien jiżboq it-tliet kwarti ta’ biljun ewro. Qal li l-ekonomija Maltija trid tibqa’ b’saħħitha biex issostni dan l-investiment. Spjega kif f’pajjiżna hawn realtajiet soċjali, partikolarment fost il-familji u bħala Gvern irridu nkunu hemm biex inġibu bidliet li joffru spalla u jtaffu l-piż ta’ sfidi soċjali. F’dan ir-rigward qal li l-Gvern diġà beda jħares lejn ir-riforma fil-Qorti tal-Familja.

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li rridu nwieżnu liż-żgħir, min telaq jimxi ma jistax jiġi abbandunat għax ikkunsidrat ma’ tan-nofs u għalhekk il-programm soċjali tal-Gvern irid jibqa’ jkun immirat għal kulħadd, inkluż għall-middle-class b’servizzi offruti fil-komunità.

Indirizza wkoll l-laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, li fisser il-ħidma soċjali bħala l-qalb ta’ kull soċjetà li tħabbat fejn hemm l-aktar bżonn u li tagħti u ssostni l-ħajja. ‘‘Bla dubju dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ f’soċjetà li tgħin lil kulħadd, speċjalment lil min jiflaħ l-anqas. Għax qrib in-nies, u nifhmu sew il-ħtigijiet tagħhom, ser inkomplu nagħtu għajnuna finanzjarja filwaqt illi nipprovdu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ kwalità bejn il-familji’’, saħaq il-Ministru Falzon.

Qabel il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru ltaqa’ mar-residenti ta’ Dar San Ġużepp. “L-ulied kollha ħaqqhom ikollhom storja ta’ suċċess u l-investiment soċjali tagħna se nkomplu nkattruh anki b’dan il-ħsieb biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa nnota li ftehim soċjali ta’ €2 miljun bejn il-Gvern u Dar San Ġużepp ifisser appoġġ importanti għal din ir-residenza, sabiex ir-residenti tfal jingħataw l-aħjar ħarsien possibbli. Dar San Ġużepp hija residenza li fiha tilqa’ tfal subien li għal raġunijiet differenti ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom. Bħalissa din ir-residenza toffri kenn lil 15-il tifel li jiġu assistiti b’mod individwali f’dak kollu li jkollhom bżonn bħal kura tas-saħħa, edukazzjoni, terapija soċjali u psikoloġika.

Il-Prim Ministru ġie milqugħ u mdawwar mar-residenza mid-Direttur ta’ Dar San Ġużepp Fr Louis Mallia li spjega lil Dr Abela l-ħidma li titwettaq ta’ kuljum favur dawn it-tfal. Huwa tkellem dwar diversi stejjer ta’ suċċess ta’ tfal residenti li kibru f’adoloxxenti u f’adulti u li bnew karriera u familja u li baqgħu jgħixu fis-soċjetà b’mod indipendenti.

Il-Prim Ministru żar ukoll l-appartamenti fejn jgħixu t-tfal, kif ukoll spazju fi ħdan ir-residenza li hija attrezzata b’għodda edukattiva għat-tfal. Hawn ġie spjegat kif hemm programmi edukattivi individwali għar-residenti f’din id-Dar.

Fost dawk li għamlu l-interventi tagħhom waqt il-laqgħa tal-Kabinett kien hemm ukoll Lino Debono mill-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers’ Union, li tkellem dwar it-titjib li sar f’dawn l-aħħar snin f’dak li jirrigwardja l-interessi tal-pensjonanti. Fl-istess waqt, huwa rrefera għal ċertu sfidi li għadhom qed jaffaċċjaw, fosthom li diversi bankini qed ikunu ta’ periklu għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità, sabiex dawn ikunu indirizzati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport