Saturday, October 26, 2024

Il-PM jisħaq li b’arroganza l-Oppożizzjoni trid timblokka ħatriet importanti

Il-PM dwar l-għażla ta’ Ombudsman u Kummissarju tal-Istandards

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar jiem l-Oppożizzjoni baqgħet topponi għal dak li kien qiegħed jipproponi l-Prim Ministru fejn jidħlu persuni ideonji biex jimlew il-karigi tal-Obudsman u l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Robert Abela f’diskors dettaljat u ċar għamel elenku tal-proċess li wassal għal din id-deċiżjoni. Hekk kif il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru ressaq żewġ mozzjonijiet biex l-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi jinħatar bħala Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-eks Imħallef Joseph Zammit McKeon jinħatar Ombudsman, il-Prim Ministru uża s-seduta parlamentari tal-bieraħ biex jispjega iswed fuq l-abjad il-viżjoni tal-gvern Laburista fejn jidħlu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Huwa beda biex jgħid li bil-liġi kif inhi huwa seta’ jressaq mozzjoni waħda, għax hija biss il-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards li hija vakanti għax mill-operat ta’ liġi kif inhi bħalissa l-kariga tal-Ombudsman baqgħet okkupata minn Anthony Mifsud tant li dan l-Uffiċċju baqa’ għaddej bl-investigazzjoni tiegħu u jippubblika r-rapporti. Madanakollu huwa bħala Prim Ministru għażel li ma jagħmilx hekk għax jemmen li l-uffiċċju tal-Ombudsman ħaqqu li jibda terminu ġdid. Abela qal li din id-deċiżjoni hija xhieda ta’ gvern li jrid l-aħjar għall-istituzzjonijiet tal-pajjiż. 

Il-Prim Ministru kompla biex jispjega kif xhur ilu l-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards kienet okkupata minn George Hyzler u kien hemm sitwazzjoni fejn dak l-uffiċċju kien okkupat minnu u l-kariga ta’ Ombudsman li ma kinitx vakanti għax il-liġi tikkontempla li sakemm jinħatar l-Ombudsman il-ġdid jibqa’ fl-uffiċċju l-Ombudsman preċedenti iżda kienet waħda li waslet f’mument fejn it-terminu ta’ snin li tikkontempla l-liġi għal dik il-kariga kien laħaq skada diġà. 

L-ismijiet li ressaq Grech kellhom kollox minbarra n-newtralità u l-imparzjalità

Il-Prim Ministru kkonferma li meta huwa stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iressaq ismijiet ta’ persuni li hu kien jemmen li kienu ideonji għal din il-kariga. Huwa qal li l-ismijiet li ressaq Bernard Grech kellhom kollox minbarra n-newtralità u l-imparzjalità. Saħaq li għall-Kap tal-Oppożizzjoni għalih il-kunsens ikun ifisser li tgħaddi tiegħu dejjem u f’kollox. Żied jgħid li Grech ma jħarisx lejn l-integrità tal-persuna jew lejn min jemmen li jista’ jeleva l-istituzzjoni iżda jiċċentra fuq jekk mill-eventwali deċiżjoni tal-għażla jistax jestrapola dak li hu jinterpreta bħala rebħa politika. 

Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li minkejja l-ewwel żvolta ta’ dawn id-diskussjonijiet, mar għall-opportunità li jressaq żewġ ismijiet f’żewġ karigi differenti. Qal ukoll li min verament jemmen fl-istituzzjonijiet ma kellux imur għal kariga li tintgħażel min naħa waħda filwaqt li l-oħra tintgħażel min-naħa l-oħra tal-Kamra. 

Kompla biex jgħid kif wara li l-kariga għall-Ħarsien tal-Kummissarju għall-Istandards ġiet battala, ressaq mal-mejda tad-diskussjoni isem l-Imħallef Emeritus Dr. Zammit Mckeon għall-kriga tal-Ombudsman u isem l-eks Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi bħala eventwali Kummissarju għall-Ħarsien għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qabel, iżda b’kundizzjoni ta’ rwoli inversi minn dawk preżentati

Sa dik id-diskussjoni, Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien lest li jaċċetta dawn iż-żewġ ismijiet bi preferenza li dawn iż-żewġ ismijiet ikunu jokkupaw il-karigi inversi tal-mod kif proponihom hu. 

“Jien nifhmu li llum qiegħed jgħid mhux veru għax sħabu internament qalulu li jekk isiru jafu li verament kien aċċetta din il-pożizzjoni allura l-pożizzjoni tiegħu fil-kariga hija perikolata. Sur Kap tal-Oppożizzjoni għadek l-anqas taf li wara l-aħħar inkontru li kellek miegħi sħabek iltaqgħu u lanqas biss inkludewk fil-meeting fejn ittieħdu d-deċiżjonijet”, kompla biex jgħid Abela.

Tkellem dwar it-tieni laqgħa fl-10 ta’ Novembru fejn hu rrikonferma lill-Kap tal-Oppożizzjoni li seta’ jressaq il-mozzjonijiet u f’dak il-mument reġa’ tenna li lest li jgħix biż-żewġ karigi skont irwoli inversi. Iżda sagħtejn wara reġa’ dawwar fehmtu u bil-kitba li kien lest li jgħix ukoll biż-żewġ persuni fl-irwoli oriġinali skont kif kien issuġġerixxa hu. 

Ħadd m’għandu jimmanipula mill-karigi … lanqas jiġi attakkat

Il-Prim Ministru qal li hu se jibqa’ konsistenti u jemmen li ż-żewġ karigi jridu jimtlew flimkien. Qal il-gvern jemmen li ħadd m’għandu jkun f’pożizzjoni li jimmanipula dawn iż-żewġ karigi u għalhekk jistenna li jiġu mħaddma min nies li kapaċi japplikaw il-qafas ta’ liġijiet b’mod meqjus u ġust u mhux jużaw il-liġi għal dak ir-riżultat li jkollhom imfassal qabel. Jistenna li jkunu nies b’fibra u ħila li d-deċiżjoni jiħduha fuq il-mertu ta’ dak li jkunu mitluba jistħarrġu skont il-fatti li jkollhom u mhux għal kunsiderazzjonijiet ulterjuri.

Hawnhekk huwa rrefera għall-2014 fejn meta kien għadu avukat ra nies mill-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista li ġewwa l-awli tal-qrati superjuri b’mod partikolari awla 19 li b’mod mill-aktar atroċi u sfaċċat pruvaw ripetutament jumiljaw Imħallef li kien għadu jinħatar fil-kariga għax kien iħaddan fehma politika differenti. Fakkar kif ftit xhur ilu, sigħat qabel Imħallef tal-Qorti Kriminali kien sa jagħti digriet dwar wieħed mill-aktar każi senstittivi, eks Deputat tal-Partit attakka lil dan l-Imħallef fuq il-midja soċjali biex jimmanipula d-deċiżjoni. “Sur President dawn huma affarijiet li jien rajt b’għajnejja u li n-nies setgħu josservaw fuq il-midja soċjali”, tenna Abela filwaqt li kompla biex jelenka numru ta’ attakki. Fuq in-naħa l-oħra l-Prim Ministru tenna l-appoġġ sħiħ tal-gvern lejn l-istituzzjonijiet biex jaraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu dawk ġusti. Madanakollu kien ċar li ħażin għalih min jaħseb li jista’ jiplaka bid-deċiżjonijiet tiegħu lil min lest jintimidah għax min jidħol għal dawn il-karigi jaf li jkun daħal għall-iskrutinju.

Il-Prim Ministru qal li n-naħa tal-gvern jemmnu li dawn iż-żewġ karigi jkunu mħaddma minn nies li mhux biss jagħmlu u jaħdmu biex iwettqu ġustizzja iżda jidhru li qed jagħmlu dan. Żgur li m’għandhomx ikunu nies li waqt li kienu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom xebgħu jagħmlu l-kontra ta’ dak li sippost iridu jagħtu l-eżempju tajjeb tiegħu imbagħad meta jidħlu fil-kariga jibdew jippontifikaw is-sewwa għax il-falsità hija xi ħaġa li mhix aċċettata.

Xhieda qawwija ta’ kemm il-gvern jemmen fil-governanza tajba

Filwaqt li elenka lista ta’ kwalitajiet pożittivi taż-żewġ persuni mressqin minnu, Abela qal li dan jikkonferma kemm dawn iż-żewġ ismijiet huma xhieda qawwija ta’ kemm jemmnu fil-governanza tajba u kemm il-pajjiż għandu jagħmel użu mill-aqwa riżorsi tiegħu. Minflok il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jgħid mod ieħor u għalhekk li l-Prim Ministru lest li jumilja eks Prim Imħallef. Il-Prim Ministru qal li quddiem din l-attitudni kapriċċjuża tal-Oppożizzjoni li jew tgħaddi tagħha jew xejn, bilfors li wieħed irid jaħseb f’diskussjoni dwar mekkaniżmu ta’ antideadlock f’sitwazzjonijiet bħal dawn fejn ikollok Oppożizzjoni li tibqa’ ssabbat saqajha. Il-Prim Ministru żied jgħid li kellu jasal għal din id-deċiżjoni għax mal-Kap tal-Oppożizzjoni ma tafx fejn inti għax huwa kkontrollat mill-fazzjoni estrema tal-Partit Nazzjonalista. Kien ċar li l-kariga mhux se titħalla battala, iżda mhix se taċċetta mekkaniżmi li jinkoraġixxu lill-Oppożizzjoni tkun kappriċċjuża biex imbagħad ma jkun hemm ħadd elett.

“Ix-xewqa tagħna tibqa’ li f’karigi bħal dawn, sa fejn possibbli nilħqu l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-Kamra. Stajna faċilment morna għal maġġoranza sempliċi. Se nħaddmu emenda li tiżblokka sitwazzjoni bħal din. Dwar din l-emenda l-Kummissjoni Venezja qalet li l-President tar-Repubblika għandu jinħatar biż-żewġ terzi. Issuġġeriet li jittieħed vot. Jekk ma jintlaħqux iż-żewġ terzi, jingħata perjodu ta’ ġimgħa, jekk fit-tieni tentattiv ma jibqgħu ma jinkisbux iż-żewġ terzi, il-President jinħatar b’maġġoranza sempliċi”, kompla biex jispjega l-Prim Ministru filwaqt li fakkar li l-Oppożizzjoni dakinhar kienet ħadet il-pożizzjoni li ma tagħtix il-kunsens tagħha u qalet li f’każ li jiddaħħal il-mekkaniżmu tal-antideadlock kienet se tivvota kontra r-rapport kollu tal-Kummissjoni Venezja. Fakkar li ma kinitx biss il-Kummissjoni Venezja li ssuġġeriet dan il-mekkaniżmu u li lura fl-2017 l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien tkellem dwar l-istess mekkaniżmu. 

Il-bidliet ta’ dan il-gvern tefgħu l-obbligu fuq l-Oppożizzjoni li ma timblukkax ħatriet bla bżonn

B’wiċċu minn quddiem, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu kien l-iktar Prim Ministru li neħħa poteri minn idejh. Fakkar li għal kien dan il-gvern li neħħa l-għażla tal-ġudikatura mis-setgħat tiegħu. Fakkar kif fil-ħatra ta’ Prim Imħallef irnexxielu jressaq persuna ideona u wasal mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien. L-istess meta saret il-Kummissarju tal-Pulizija u anke uriet bil-fatti li lesta turi l-id tal-ħbiberija meta emendat il-Kostituzzjoni biex il-ħatra tal-President tar-Repubblika ssir b’żewġ terzi u anke fejn tidħol il-ħatra ta’ Prim Imħallef, iżda issa trid tkun l-Oppożizzjoni li turi li mhijiex arroganti u supperva quddiem dawn il-bidliet. Huwa temm jisħaq li l-Oppożizzjoni għandha l-obbligu li turi attitudni differenti u li jimblukkawx il-ħatriet istituzzjonali u Kostituzzjonali meta ma jkollhomx raġuni għalfejn jagħmlu dan.

Sport