Sunday, December 22, 2024

“Il-PM kien se jagħmel elezzjoni iżda xi ħaġa ġara wara li tkellimt jien”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt intervista fuq Net TV il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li hija sitwazzjoni inkwetanti li ż-żgħażagħ qegħdin jaqtgħu qalbhom minn pajjiżna. Grech qal li ż-żgħażagħ għadhom mimlija ħolm iżda mhux qed jaraw li dan jista’ jsir pajjiżna u b’hekk qegħdin jippreferu jħallu l-pajjiż.

Grech għamel sejħa liż-żgħażagħ biex ikunu parti minn din il-bidla għall-aħjar u li bħala Kap tal-Oppożizzjoni, xogħlu huwa li jerġa’ jieħu l-pajjiż lura għar-realtà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għalxejn in-nies teqred għax hawn wisq trabijiet jew krejnijiet għax il-politika ma ssirx permezz tal-mezzi soċjali. 

“Jekk jien inkun Prim Ministru lest li nċedi parti mill-poter lejn il-parlament u ma nkunx nista’ waħdi jew mal-kabinet niddeċiedi li nagħti art mingħajr il-kunsens ta’ żewġ partijiet minn tlieta biex nipproteġu l-art u l-ambjenti tagħna”, kompla Grech.

Rigward il-kontijiet tal-elettriku, Bernard Grech wiegħed li jġib lura ġustizzja fuq kif jinħadmu dawn il-kontijiet, li jagħti rifużjoni ta’ kontijiet għoljin u li jara li żgur ma jkunx hawn serq u li l-flus tal-poplu jintużaw biex pajjiżna jimxi ’l quddiem.

Rigward il-każ ta’ Konrad Mizzi, Grech qal li għalih il-kelma li ta li se jkun disponibbli biex jixhed għalih ma tfisser xejn. Minkejja dan huwa sostna li Mizzi għandu jwieġeb għall-mistoqsijet kollha quddiem il-PAC.

Tkellem dwar id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela tas-Sibt fejn qal li l-mistoqsijiet ġejjin mill-midja tal-Partit Nazzjonalista rigward il-possibbilità ta’ elezzjoni kienu maħsubin biex joħolqu l-inċertezza, B’reazzjoni għal dan id-diskors Grech qal li “Ir-realtà hija li l-Prim Ministru verament kien qiegħed jikkunsidra li jagħmel elezzjoni, kien iddeċieda li jagħmel elezzjoni, iżda xi ħaġa ġara fil-weekend ta’ wara li tkellimt jien fil-parlament u ddeċieda mod ieħor”.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jeħtieġ li jkun hemm element ta’ rispett u li jeħtieġ li l-politiċi jitkellmu b’mod aktar matur u serju. Huwa temm jgħid li “Aħna lkoll aħwa Maltin u jeħtieġ li ma nħallux il-politika li tkisser dawn ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna”.

Ekonomija

Sport