Saturday, December 21, 2024

Il-PM: L-għodda biex nibqgħu ngħixu qrib in-normalità huwa l-vaċċin

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela għal darb’oħra tkellem dwar l-importanza tat-teħid tal-vaċċin għax fi kliemu dan huwa effettiv, sigur u l-għodda li għandna biex nibqgħu ngħixu qrib in-normalità.

Waqt intervista fuq ir-radju, il-Prim Ministru qal li l-fatti huma li f’dawn l-aħħar xhur in-nies għexu eqreb lejn in-normalità u dan bis-saħħa tal-vaċċin.

Qal li għalhekk l-appell kontinwu għat-teħid tal-vaċċin fejn sostna li dan huwa kruċjali u l-aqwa arma lil għandna.

F’dan ir-rigward huwa qal li minkejja ż-żieda ta’ infezzjonijiet, is-sitwazzjoni tal-persuni li kellhom jidħlu l-isptar jew fl-ITU minħabba l-virus baqgħet waħda stabbli.

Assigura li bħala awtoritajiet se jibqgħu kontinwament iffukati fuq is-sitwazzjoni tal-pandemija biex mal-mument li jkun hemm bżonn li ttieħed xi deċiżjoni, din issir. 

Hekk kif dalgħodu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa flimkien mal-Prof. Charmaine Gauci se jkunu qed iħabbru numru ta’ miżuri ġodda, il-Prim Ministru qal li r-restrizzjonijiet mhuma komdi għal ħadd imma rridu naċċettaw iċ-ċirkostanzi ta’ dan il-mument huma dawk li huma u għalhekk huma importanti kemm il-vaċċin kemm il-miżuri li għandna fis-seħħ.

Qal li minkejja ċ-ċirkostanzi tal-infezzjonijiet, iridu li jsalvaw ix-Xitwa u dan isir ukoll kemm bit-teħid tal-booster u bil-miżuri li se jitħabbru dalgħodu. Qal li l-għan primarja tagħhom huwa li jsaħħu l-importanza tat-teħid tal-vaċċin. 

Huwa tkellem ukoll dwar il-programm ta’ tilqim fejn iddeskrivih bħala wieħed ta’ suċċess hekk kif madwar 95% tal-popolazzjoni hija mlaqqma.  Dwar id-doża tal-booster, minkejja li pajjiżna għandu t-tieni l-ogħla rata ta’ teħid tal-booster fl-Ewropa, il-Prim Ministru qal li l-progress huwa wieħed sodisfaċenti imma jemmen li nistħgu nagħmlu iżjed u għalhekk tenna biex min imissu jirreġistar għall-booster jagħmel dan. 

Tkellem ukoll dwar il-fatt li flimkien mad-doża tal-booster hemm ukoll il-vaċċin tat-tfal. Semma li hemm żewġ vantaġġi kbar li għandhom jinkoraġġixxu lill-ġenituri fosthom dak tal-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal.

Fakkar li sal-lum ingħataw aktar minn miljun doża tal-vaċċin, xi ħaġa li fi kliemu jikkuntrasta bi kbir ma’ dak li qalet l-Oppożizzjoni meta qalet li pajjiżna mhux se jirnexxielu jġib aktar minn 40,000 doża. F’dan ir-rigward, Abela qal li saħansitra  għandna d-dożi kollha meħtieġa biex nagħtu d-doża tal-booster. Dan fl-isfond tal-fatt li dan il-gvern dejjem wettaq pjan strateġiku u kienu katalisti fil-proċess. 

Qal li jiddispjaċih meta jisma b’mod speċjali lill-Oppożizzjoni li fi kliemu jitkellmu fuq il-Covid meta tiżdied il-pressjoni biss. Sostna li kieku persuna verament temmen fl-interess nazzjonali tipprova taħdem id fid mal-gvern, iżda dan mhux il-każ tal-Oppożizzjoni. 

Aċċenna għall-fatt li ftit tal-jiem ilu l-Gvern ħabbar li l-wage supplement jiġi estiż sa Jannar fejn imbagħad jerġgħu jirrevedu s-sitwazzjoni ta’ dakinhar. Qal li l-prinċpju jibqa’ wieħed konsistenti – dak li qatt ma ħallew lin-negozji weħidhom għax dan huwa gvern li jemmen fl-importanza tan-negozji għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Qal li l-mekkaniżmu li ħolqu tal-wage supplement kien proprju biex jipproteġu l-impjiegi, in-negozji u l-ekonomija. 

Fakkar ukoll dwar dak li kien qed jiġi mbassar li kien se jkun hemm 50,000 persuna bla xogħol. Qal li mhux talli dak li kien qed jiġi mbassar ma seħħx talli f’pandemija pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellu. 

Robert Abela spjega wkoll kif sa minn meta nħatar Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru dejjem ittieħdu deċiżjonijiet li ma kinux faċli. “Iżda, għax konna bilgħaqal, fhimna tajjeb u bnejna fuqu u ndirizzajna n-nuqqasijiet bqajna sodi niffaċjaw l-isfidi u noħolqu ħafna u ħafna opportunitajiet.”

 Il-Prim Ministru fisser ukoll kif  riżenja qatt mhi mument faċli, b’mod partikolari fuq livell personali. Qal iżda, fil-mument tal-prova hemm toħroġ l-irġulija u s-sens ta’ responsabbiltà.

Qal li l-Oppożizzjoni li ma tistax titkellem fuq standards meta għandha Kap tal-Oppożizzjoni li “ddeċieda biss li jibda jħallas it-taxxa meta kkontesta għal kap. Aħna bqajna ffokati fuq li nġibu bidla pożittiva u f’dan il-vjaġġ ikun hemm fejn tkun teħtieġ tirranġa jew itejjeb deċiżjoni għax tkun setgħet saret aħjar.”

Ekonomija

Sport