Tuesday, May 14, 2024

Konfermati l-ewwel żewġ każi tal-Omicron f’pajjiżna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

12:05 p.m: Mira li l-iskejjel jiftħu normali wara l-vaganzi tal-Milied

It-tfal bejn il-5 u l-11-il sena bħalissa qegħdin jinħarġu l-inviti u t-tir huwa li sal-ewwel ġimgħa ta’ Jannar, it-tfal kollha jkunu tlaqqmu bl-ewwel doża.

Fearne ħeġġeġ lit-tfal biex jitlaqqmu hekk kif s’issa t-tir huwa li l-iskejjel tagħna jiftħu b’mod fiżiku wara l-vaganzi tal-Milied u b’hekk tajjeb li bħalma jkunu protetti l-edukaturi hekk ukoll jagħmlu l-istudenti.

12:00 p.m: Mit-Tnejn li ġej sakemm jinħareġ iċ-ċertifikat tal-booster jittellgħu biss attivitajiet bilqiegħda

Mit-Tnejn li ġej sas-17 ta’ Jannar (sakemm jibdew jinħarġu ċ-ċertifikati tal-booster), se jkunu introdotti numru ta’ miżuri. L-attivitajiet kollha li qed jiġu organizzati jistgħu jibqgħu jiġu organizzati biss għal dawk li huma bilqiegħda. L-unika eċċezzjonijiet huma t-tiġijiet u l-funerali. 

Barra minn hekk mit-Tnejn li ġej l-istabbilimenti li għandhom liċenzja li jagħlqu wara s-1:00 a.m, sakemm jidħol iċ-ċertifikat tal-booster iridu jagħlqu sas-1:00 a.m. Attivitajiet sportivi jistgħu jibqgħu jsiru mingħajr spettaturi. 

Fejn jidħol l-Isptar, b’effett immedjat se jkun qiegħed jitnaqqas il-ħin għall-viżitaturi biex jonqos ir-riskju tat-tixrid tal-virus, iżda fid-djar tal-anzjani mhumiex se jiżdiedu r-restrizzjonijiet minħabba li hemmhekk kważi kulħadd huwa mlaqqmin bil-booster.

11:50 a.m: Mis-17 ta’ Jannar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun validu biss għal dawk li tlaqqmu bil-booster

Il-Ministru Chris Fearne qal li l-awtoritajiet jinsabu fiduċjużi li l-booster huwa effettiv kontra l-Omicron. Huwa ħabbar li mis-17 ta’ Jannar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun validu biss għal dawk li tlaqqmu bil-booster.

Il-Ministru qal li għax l-awtoritajiet jemmnu daqstant fil-booster, mis-17 ta’ Jannar, dawn l-istabbilimenti kollha se jkunu aċċessibbli biss minn dawk li jkollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin li jkun sa tliet xhur mit-tieni doża jew disa’ xhur mill-booster.

Dawn l-istabbilimenti jinkludu:

  • Gyms
  • Bars u snack bars
  • Ristoranti 
  • Każini 
  • Pools u spas
  • Casinos u swali tal-logħob 
  • Ċinemas
  • Teatri
  • Attivitajiet sportivi
  • Attivitajiet organizzati kollha

Għal dawk ta’ taħt it-18-il sena għalissa l-booster għadu mhuwiex approvat mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, iċ-ċertifikat tat-tilqim jibqa’ validu.

11:40 a.m: Konfermati l-ewwel żewġ każi tal-Omicron f’pajjiżna

Waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mas-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna, id-DPM Chris Fearne kkonferma li f’pajjiżna għandna l-ewwel żewġ każi tal-virus tal-Omicron f’pajjiżna.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li minkejja li s-sitwazzjoni fl-Isptarijiet tagħna għadha taħt kontroll, studji li saru juru li dan il-varjant jinfirex ferm aktar.

Fearne qal li l-aħbarijiet tajba relatati ma’ dan il-varjant huma; li ma jidhirx li dan il-varjant huwa aktar kiefer minn dawk ta’ qablu anke minkejja li jinfirex aktar u li l-booster doses f’pajjiżna huma effettivi kontra l-Omicron.

Huwa żied jgħid li dan jikkonferma l-għaqal ta’ dan il-gvern li ħaseb għal biżżejjed dożi tal-booster biex ilaqqam lill-poplu kollu. Mhux biss, diġà għandna 182,000 persuna li tlaqqmu bil-booster u dan ifisser li madwar 41 fil-mija tal-popolazzjoni adulta f’pajjiżna diġà tlaqqmet dawk li huma meqjusin l-aktar vulnerabbli għall-virus huma fost dawk l-aktar protetti.

Segwi il-konferenza minn hawn taħt:

11:00 a.m: Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika se jkunu qegħdin jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mas-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna.

Il-konferenza se tixxandar fil-11:30 a.m u minkejja li għad m’għandniex dettalji, mistennija sservi biex jiġu ċċarati xi inċertezzi li hawn minħabba żieda sostanzjali fil-każi ġodda tal-pandemija.

Aqra iktar:

Sport