Friday, November 22, 2024

Il-PM Robert Abela b’messaġġ dwar il-bidla fis-settur tal-kostruzzjoni

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’dak li niddeċiedu llum irridu nassiguraw li ma jgawdux biss in-nies tal-lum iżda jgawdu wliedna għada. Meta kien qed jindirizza lill-membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha, il-Prim Ministru Abela tkellem fuq bidliet importanti akkumpanjati minn deċiżjonijiet strateġiċi f’industrija li għandha rwol fit-tranżizzjoni ekonomika li għaddej minnha pajjiżna.

“Il-qalba ambjentali tista’ toffri xita ta’ opportunitajiet għall-investitur daqskemm għall-pajjiż,” aċċenna l-Prim Ministru filwaqt li saħaq fuq diversi punti kruċjali li s-settur għandu jħares lejhom. Il-Prim Ministru Robert Abela semma s-serjetà u l-kontabilità li jaħdmu id f’id. Hawn semma kif ir-riforma ta’ liċenzjar tal-kuntratturi hi bidla maħsuba għalhekk li trid tkun akkumpanjata minn serjetà u rispett fuq il-lantijiet tax-xogħol, lejn il-ħaddiema u l-ġirien.

Dr Abela semma l-qalba ambjentali. “Illum qed nitkellmu fuq bini effiċjenti fl-enerġija, jekk jista’ jkun carbon neutral. Kunu fuq quddiem nett ta’ din il-qalba u kunu kburin b’hekk,” irrimarka l-Prim Ministru li semma żewġ proġetti li ħadem fuqhom il-Gvern li jħaddnu dan il-prinċipju, Project House fil-Floriana u l-iskola Primarja tan- Nadur.

L-innovazzjoni u l-ħiliet kien punt ieħor importanti fejn saret enfasi fuq l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema u fit-teknoloġija u makkinarju modern li jgħinu lkoll fil-qalba produttiva bbażata fuq il-kwalità. Fuq din tal-aħħar il-Prim Ministru qal li pajjiżna llum għandu l-lussu li flok iħares lejn in-numri, iħares lejn il-kwalità.

“Hemm bżonn nivvalorizzaw aktar dawk l-elementi li jagħmluna Maltin u Għawdxin billi nieħdu ħsieb il-villaġġi tagħna. Nibqgħu naħsbu biex ta’ warajna jkunu kburin b’dak li nħallulhom illum,” sostna l-Prim Ministru fil-laqgħa li kien akkumpanjat mid-Deputat tal-Gvern Edward Zammit Lewis.

Dr Abela qal li l-Gvern irid jibqa’ jiffaċilita dawn il-bidliet billi jkompli jagħti ċ-ċertezza u l-istabbiltà. Irrimarka li s-serjetà u l-kontabilità m’għandhomx ifissru burokrazija iżda jinċentivaw u jiffaċilitaw iktar proġetti b’għanijiet marbuta mal-prijoritajiet li għandu l-pajjiż.

Sport