Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-proġett tar-Riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa li se jkun amministrat mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi wara li tlestew id-disinji u issa għaddej il-proċess ta’ applikazzjonijiet biex isiru x-xogħlijiet għall-ġid tal-komunità. Disinji li raw l-involviment ta’ studenti universitarji mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Dan il-proġett fuq tul ta’ aktar minn kilometru u nofs tal-promenade ta’ din il-lokalità pittoreska se jkun qed iwassal għal ħames spazji miftuħa, uħud li se jinħolqu u oħrajn riġenerati, tisbiħ ta’ ġonna u bandli eżistenti, parkeġġ pubbliku taħt l-art u żoni pedonali ġodda. Se jkun hemm ukoll karreġġjata ġdida għaċ-ċiklisti kif ukoll tisbiħ tul il-promenade b’materjal li hu sostenibbli.
Waqt żjara f’din il-lokalità, il-Prim Ministru saħaq li permezz ta’ proġetti bħal dawn, il-Gvern qiegħed jagħti sinjal ċar ieħor li ser ikompli jżid investimenti ta’ kwalità. Innota li matul is-snin, Birżebbuġa ġarret piż ta’ tkabbir industrijali u din l-amministrazzjoni reġġgħet deċiżjonijiet li saru minn amministrazzjonijiet oħra biex jiżdied il-valur ta’ din il-lokalità. Hawn semma fost oħrajn id-deċiżjoni tal-għeluq tal-impjant 31 ta’ Marzu tal-ħażna tal-fjuwil li franka ħafna emissjonijiet u trakkijiet deħlin fil-lokalità. Dan apparti li semma fost oħrajn l-investiment li sar f’pitch tal-Waterpolo u l-park ta’ Bengħajsa li qed tgawdi minnhom il-komunità.
“Irridu nkomplu nżommu s-saħħa ekonomika li baqa’ jikseb pajjiżna sabiex dik insarrfuha f’aktar proġetti ta’ ġid favur il-komunitajiet tagħna u li jgawdu minnu r-residenti,” spjega Dr Abela. Huwa nnota l-irwol tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi flimkien ma’ studenti universitarji u saħaq li jrid jara aktar entitajiet pubbliċi jikkollaboraw u jieħdu esperjenza pożittiva bħal din. Innota wkoll inizjattivi fil-komunità frott ħidma mill-kunsill lokali u fisser dan il-proġett bħala parti mill-ħsieb tal-Gvern favur il-kwalità tal-familji.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett elenka numru ta’ proġetti li ġew imnedija fl-aħħar xhur u li ser ikunu qegħdin joffru ambjent urban isbaħ lill-familji Maltin u Għawdxin. Huwa spjega li dan il-proġett jingħaqad ma’ numru ta’ proġetti oħra bħal dak tal-pjazza ta’ Buġibba u tal-Imsida Creek kif ukoll l-inizjattiva ta’ Vjal Kulħadd. “B’hekk se nżidu l-ammont ta’ spazji miftuħa għall-pubbliku, aspett ewlieni fil-viżjoni tagħna biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji,” sostna l-ministru. Minbarra l-aspett estetiku tal-proġett li ser isebbaħ iż-żona għar-residenti u dawk kollha li jżuru Birżebbuġa, il-Ministru Bonett spjega li, “Permezz ta’ korsija ġdida għaċ-ċiklisti u pedestrian priority area ser inkomplu bil-ħidma tagħna li noffru infrastruttura adegwata filwaqt li ninkoraġġixxu l-mobbiltà attiva fil-lokalitajiet.”
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia enfasizza li l-għan tal-Birżebbuġa Promenade Regeneration huwa li jagħti lura lil-lokalità ta’ Birżebbuġa u l-Birżebbuġin post ta’ rikreazzjoni u rilassament, kif mistħoqq. “Aħna konxji mill-fatt li n-nies ta’ din il-lokalità, fil-passat ħallsu prezz għoli, u kellu jkun dan il-gvern li jagħti lura lir-residenti ta’ Birżebbuġa u l-ġenerazzjoni futura, lokalità ta’ kwalità. Dan il-proġett ser jibni fuq il-wegħda tal-Gvern li nibnu komunitajiet aktar vibranti, ħodor u ta’ kwalità.”
Din ir-riġenerazzjoni b’investiment ta’ madwar €12-il miljun tingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ promenades u spazji miftuħa oħra li l-Gvern, permezz tal-entitajiet differenti tiegħu, qiegħed iwettaq madwar il-pajjiż.