Wednesday, January 8, 2025

Il-PM Robert Abela jħares ‘il quddiem għal iktar ħidma mal-korpi kostitwiti u l-midja

Aqra wkoll

Waqt riċeviment annwali tal-bidu tas-sena, għall-korpi kostitwiti u l-media, organizzat mill-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela qal li l-korpi kostitwiti kif ukoll il-ġurnalisti, għandhom rwol importanti f’pajjiżna u jħares ‘il quddiem għal iktar ħidma magħhom fl-2025.

Żied jgħid fis-sena 2025, il-Gvern se jkun iffukat biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja Maltin u Għawdxin u se jkompli jwiegħżen lill-familji u l-pensjonanti permezz tal-miżuri soċjali li bdew deħlin fis-seħħ minn dan ix-xahar fosthom l-għaxar żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, żieda ta’ €250 fiċ-children’s allowance għal kull wild u anke l-akbar tnaqqis fit-taxxa li qatt ingħatat lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Irrefera għall-Labour Migration Policy li ġiet varata llum u li se tibda tiġi attwata mill-Gvern wara konsultazzjoni pubblika mal-istakeholders.  Il-Prim Ministru qal li din il-politika hija meħtieġa biex tagħti aktar stabbiltà u jitħarsu d-drittijiet ta’ kull ħaddiem, filwaqt li jinqatgħu l-abbużi f’dan ir-rigward.

Il-Prim Ministru sostna li qed iħares ‘il quddiem biex ikompli jiddjaloga mal-imsieħba soċjali sabiex bħalma ġara fix-xhur li għaddew, pajjiżna jkompli jagħmel kisbiet importanti għall-ġid tal-poplu kollu. Fakkar f’bosta miżuri u ftehimiet li rnexxielu jagħmel Gvern Laburista, bħaż-żieda fil-paga minima, għadd ta’ ftehimiet settorjali u kollettivi, kif ukoll il-ftehim kollettiv storiku għall-ħaddiema kollha tas-servizz pubbliku.  Qal li dawn qed jirrendu f’titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, anke waqt il-pandemija.

F’messaġġ indirizzat lill-membri tal-midja, u fid-dawl tal-aħħar żviluppi li seħħew iktar kmieni llum, il-Prim Ministru saħaq li filwaqt li Gvern Laburista għandu rispett kbir lejn ix-xogħol importanti li jwettqu l-ġurnalisti, sostna li huma fid-dover li jagħmlu distinzjoni bejn informazzjoni ġenwina u l-fake news.

Żied jgħid li sakemm ikun ġust, l-iskrutinju tal-midja huwa meħtieġ u important ħafna filwaqt li saħaq li se jibqa’ dejjem dispost li jwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti.

Għal dan ir-riċeviment, attendew ukoll id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay, il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras u membri oħrajn tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport