Fi New York, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza Summit dwar l-edukazzjoni, li matulu l-mexxejja ta’ pajjiżi differenti tkellmu dwar l-impenn tagħhom biex jitrasformaw l-edukazzjoni sal-2030. Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem dwar l-impenn li pajjiżna jkompli jilħaq il-miri tiegħu fl-edukazzjoni.
“Il-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jilħaq il-miri tiegħu fl-edukazzjoni u li jsegwi l-implimentazzjoni tagħhom bil-għan li jħallu aktar riżultati pożittivi sal-2030. L-edukazzjoni f’pajjiżna hija waħda inklussiva minn kull aspett, għaliex tiffoka fuq li nipprovdu aċċess ugwali lil kulħadd. Kull wieħed minnha għandu jpoġġi l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità bħala prijorità.”
Il-Prim Ministru rrefera għall-Politika Nazzjonali tal-Inklużjoni li qed tiġi implimentata f’pajjiżna favur aktar miżuri ta’ inklużjoni. “Investejna ukoll fl-infrastruttura diġitali biex nassiguraw li l-istudenti jkollhom aċċess għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità. L-impenn tagħna se jibqa’ li nkomplu ninvestu fil-pjattaformi diġitali biex noffru l-aqwa riżorsi edukattivi”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru sostna li bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta se tpoġġi bħala prijorità l-litteriżmu filwaqt li se tkompli taħdem biex tissalvagwardja d-dritt għall-edukazzjoni.
“Jekk jirnexxielna nittrasformaw l-edukazzjoni, inkunu biddilna l-futur”, ikkonkluda l-Prim Ministru.