Monday, December 9, 2024

Il-PM Robert Abela jisħaq fuq ir-reżiljenza ekonomika u l-konnettività favur stati membri bħal Malta

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza tar-reżiljenza ekonomika u l-konnettività favur stati membri bħal Malta waqt laqgħa informali tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern f’Budapest u li primarjament ittrattat il-patt il-ġdid dwar il-kompetittività għall-Ewropa. Il-patt il-ġdid li ġie diskuss huwa msejjes fuq ir-rapporti ta’ Mario Draghi u Enrico Letta.

Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela rrimarka s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-patt huwa fuq quddiem tal-aġenda Ewropea, wassal ukoll numru ta’ temi importanti b’rabta mas-suġġett. Primarjament, Dr Abela sostna l-importanza tal-konnettività favur Ewropa aktar kompetittiva u kif din hija essenzjali għal pajjiżi żgħar bħal Malta sabiex taċċessa l-ekonomija globali.

“Bħala stat gżira li jimporta mas-70% tal-bżonnijiet tiegħu, konnettività sigura u effiċjenti kemm bl-ajru u kif ukoll bil-baħar mhux biss hija kruċjali imma saħansitra hija l-lifeline tagħna. Għalhekk li nippriservaw is-setturi tal-avjazzjoni u l-marittimu huwa essenzjali,” sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru tenna wkoll kif il-Covid-19 u l-kunflitti riċenti huma lezzjonijiet kruċjali għall-Ewropa u b’hekk l-importanza li tiġi żgurata r-reżiljenza ekonomika. Dr Abela sostna, “Reżiljenza b’saħħitha niksbuha b’suċċess jekk naħdmu flimkien. Ir-rapport Draghi jimmarka numru ta’ oqsma fejn l-Unjoni Ewropea tista’ tikkunsidra l-proċedura ta’ akkwist konġunt. Rajna fiż-żmien tal-pandemija kemm din it-tip ta’ proċedura tiffaċilita l-loġistika.”

Intant, tul il-laqgħa mill-ġdid kompliet id-diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Hawnhekk il-Prim Ministru Malti filwaqt li sostna mill-ġdid li għandu jkun hemm waqfien mill-ġlied u li l-paċi għandha tasal b’soluzzjoni bejn żewġ stati, tenna li l-Unjoni Ewropea għandha rwol kruċjali. “Il-Lvant Nofsani jitlob l-attenzjoni kollha tagħna. Flimkien, għandna r-responsabbiltà li nwaqqfu t-tbatijiet, nadvokaw għall-istabbiltà u li naħdmu għal futur fejn il-paċi mhuwiex biss aspirazzjoni, iżda realtà.”

Ekonomija

Sport