Saturday, December 21, 2024

Il-PM Tajlandiż jitneħħa mill-poter talli kiser il-kostituzzjoni

Aqra wkoll

Qorti Tajlandiża keċċiet lill-Prim Ministru Srettha Thavisin talli ħatar fil-kabinett tiegħu eks avukat li kien għamel xi żmien il-ħabs.

Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li s-Sur Srettha kien kiser ir-“regoli dwar l-etika” billi wera attitudni ta’ sfida.

Srettha ta’ 67 sena, li ilu fil-poter għal inqas minn sena, huwa t-tielet PM f’16-il sena li tneħħa mill-istess qorti.

Hu se jiġi sostitwit minn mexxej interim sakemm jiltaqa’ l-parlament tat-Tajlandja biex jeleġġi Prim Ministru ġdid.

“Jien kunfidenti fl-onestà tiegħi… Jiddispjaċini, imma mhux qed ngħid li ma naqbilx mas-sentenza,” qal waqt li indirizza konferenza stampa ftit wara s-sentenza.

Din id-deċiżjoni tindika aktar inċertezza politika f’dan il-pajjiż li ra bosta kolpi ta’ stat matul is-snin, bl-aħħar darba tkun fl-2014 meta l-militar ħataf il-poter.

Matul il-jum tal-Erbgħa, il-Qorti ddeċidiet li tneħħi lil Srettha mill-kariga. Din kienet deċiżjoni finali u ma setgħetx tiġi appellata.

Iktar kmieni f’Mejju, il-Qorti kienet aċċettat petizzjoni mressqa minn madwar 40 senatur li talbu biex jitneħħa l-Prim Ministru mill-pożizzjoni tiegħu b’rabta mal-ħatra ta’ Pichit Chuenban – li kien ġie kkundannat sitt xhur ħabs għal attentat ta’ tixħim.

Srettha kien laħaq Prim Ministru minkejja li l-partit tiegħu Phey Thai ma ħariġx bħala l-akbar rebbieħ fl-elezzjoni tas-sena li għaddiet, fejn kienet intemmet il-ħakma militari ta’ disa’ snin fit-Tajlandja.

Ekonomija

Sport