Saturday, December 21, 2024

Il-PN b’qafas ta’ miżuri intiżi biex jagħmlu l-proprjetà aktar affordabbli

Aqra wkoll

“L-ispiża marbuta ma’ fejn nabitaw qed tiżdied sena wara oħra. Dan huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li qiegħed inaqqar il-kwalità tal-għixien tal-familji Maltin u Għawdxin, partikolarment dawk li għandhom dħul baxx jew medju. Huwa għalhekk li l-qofol tal-politika tagħna dwar l-akkomodazzjoni ser tkun li ngħinu lill-familji Maltin u Għawdxin ikunu sidien ta’ darhom b’qafas ta’ miżuri intiżi biex jagħmlu l-proprjeta’ aktar affordabbli.”

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-kandidat Ivan Bartolo elenkaw il-proposti tal-Partit Nazzjonalista fejn jidħlu l-kirjiet residenzjali.

Il-Kelliema qalu li l-bżonn li persuni jikru propjetà ser jibqa’ u għalhekk bi Gvern Nazzjonalista ser jittieħdu dawn il-miżuri:

  1. Titfassal mill-ġdid il-politika nazzjonali dwar l-akkomodazzjoni residenzjali ħalli nnaqqsu bil-qawwa l-għadd ta’ akkomodazzjonijiet li ma jilħqux l-istandards, u nwettqu bidla lejn spazji għal residenzi ta’ kwalità bi prezz raġonevoli.
  2. Dawk l-anzjani li jbiegħu l-propjeta’ tagħhom biex immorru jgħixu f’residenza iżgħar, ma’ jħallsux bolla fuq l-ewwel €300,000 tal-valur tal-propjeta, bil-kundizzjoni li jidħlu fil-propjeta’ l-ġdida fi żmien sitt xhur mid-data tal-kuntratt finali.
  3. Ikun hemm appoġġ għal dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali biex isiru sidien tal-proprjetà tagħhom billi niżguraw li nipprovdu għadd akbar ta’ residenzi affordabbli permezz ta’ impenji u obbligi ġodda fuq l-iżviluppi u l-proġetti l-kbar mis-settur privat.
  4. Permezz ta’ public-private partnership miftuħ għal żviluppaturi kollha li huma aderenti mal-kriterji tal-ESG, jinxtraw, jinbnew jew jinkrew (fit-tul) 500 unit residenzjali fis-sena bil-għan li l-waiting list għall-akkomadazzjoni tiġi indirizzata sal-aħħar tal-leġiżlatura.
  5. Infasslu skemi affordabbli biex inkwilini residenzjali ta’ propjetajiet tal-Gvern, isiru volontarjament sidien ta’ darhom bħala dritt u mhux pjaċir.
  6. Fil-każ ta’ persuni li llum qed jibbenefikaw mis-sussidju tal-kera ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995, dawn jibqgħu jibbenefikaw bl-istess mod kif inhu llum bl-eċċezzjoni li jekk  waħda mill-persuni fir-residenza tkun persuna b’diżabbiltà ta’ natura severa, is-sussidju li jingħata jiżdied b’50% fuq dak stabbilit sal-llum, b’massimu ta’ €10,000 fis-sena.
  7. Biex tiġi indirizzata l-problema ta’ mijiet ta’ familjii li llum mhux jibbenefikaw minn dan is-sussidju, fil-każ ta’ persuni li jikkwalifikaw għas-sussidju tal-kera ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995, sakemm l-applikanti ma’ jaqilgħux aktar minn €40,000, tingħata l-għajnuna stabbilita fil-liġi b’mod temporanju, tapered fuq medda ta’ tlett snin biex l-inkwilini jaġġustaw għall-kera l-ġdida. Dan ifisser li dawk il-persuni li għandhom inqas minn 65 sena u jaħdmu u li sal-llum ma’ jibbenefikawx mis-sussidju, ser jibdew jibbenefikaw minn perjodu ta’ aġġustament għall-kera l-ġdida.
  8. Fil-qasam tal-kirjiet residenzjali ser nagħtu inċentivi fiskali lis-sidien aktar b’saħħithom biex ninkoraġġixxu kirjiet b’rati raġjonevoli u iktar fit-tul (minimu ħames snin) kif ġej:
    • Dħul minn kirjiet ta’ anqas minn €300 fix-xahar ikunu eżenti mit-taxxa fuq il-kera.
    • Dħul minn kirjiet ta’ bejn €301 u €600 fix-xahar jiġu intaxxati 7.5% fuq il-kera.
    • Dħul minn kirjiet ta’ aktar minn €600 fix-xahar jiġu intaxxati 15% fuq il-kera.
    • Il-kirjiet kollha li jsiru għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali taħt xi skema tal-Awtorita’, jkunu eżenti mit-taxxa fuq il-kera.
  9. Flimkien ma’ għaqdiet volontarji ser naraw li jkun hawn biżżejjed spazju għal shelters temporanji sabiex ħadd ma’ jispiċċa bla saqaf fuq rasu.
Ekonomija

Sport