Saturday, December 21, 2024

Il-PN: “Fis-sentejn li Abela kien PM kienu sentejn ta’ indeċiżjonijiet u instabiltà kompleta f’dan il-pajjiż”

Aqra wkoll

“Fis-sentejn li Robert Abela kien Prim Ministru kienu sentejn ta’ indeċiżjonijiet u instabiltà kompleta f’dan il-pajjiż,” qal Ivan J. Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista dwar is-sentejn ta’ Robert Abela. 

Filwaqt li qal li għandu rispett kbir għall-kariga ta’ Prim Ministru fejn ta’ kuljum dak li jkun irid jieħu deċiżjonijiet iebsin, huwa qal li meta wieħed jirrifletti fuq dawn l-aħħar sentejn jidher ċar li dan il-Prim Ministru daħal għal din il-kariga jew mingħajr ma kien jaf għal xix kien dieħel jew daħal għall-kariga b’idejh marbuta wara dahru.

“Il-Prim Ministru tiegħek u tiegħi għandu jkun il-katalist u l-persuna li tinkoraġġixxi d-djalogu. Għal kuntrarju, Robert Abela f’dan il-pajjiż demokratiku qed jifga u joqtol id-djalogu fejn jevita l-ġurnalisti u jsemma leħnu fejn hu komdu. Robert Abela qed joqtol id-djalogu u d-demokrazija anke fil-partit tiegħu stess għax dejjem irid ikun hu, kull meta tiġih l-opportunità, li jagħżel il-membri li jidħlu miegħu ġewwa l-Parlament.”

Qal li l-prijorità ta’ Robert Abela hija l-Partit Laburista u mhux Malta u qal li għal dan in-nuqqas kulħadd qed iħallas prezz, fost l-oħrajn il-prezz tal-lista l-griża li fi kliemu qed toħloq instabbiltà f’pajjiżna. 

Huwa tkellem ukoll dwar id-dejn ta’ Malta li kiber u qal li dan kiber mhux biss minħabba l-pandemija jew minħabba xi investiment, imma kiber “għax dan il-gvern ta’ Robert Abela f’dawn is-sentejn kompla jiffinanzja l-korruzzjoni. Dan huwa gvern li kabbar id-dejn nazzjonali tagħna għal limiti inaffordabbli u fil-proċess ma investiex f’idea ġdida u f’impjieg li jissarraf f’paga u kwalità ta’ ħajja tajba għal uliedek u uliedi.”

Huwa temm li Malta fl-aħħar sentejn sofriet ħsara kbira fir-reputazzjoni tagħha u din tista’ tiġi rrangata billi l-poplu jagħmel stqarrija fejn juri biċ-ċar li jrid ibiddel id-direzzjoni tal-pajjiż. Qal li dan biss jista’ jagħmlu billi javda r-rwol ta’ Prim Ministru lil Bernard Grech. 

Ekonomija

Sport