Thursday, March 28, 2024

FORNAMENTI MHUX MITLUBA

Claire Micallef
Claire Micallef
Uffiċjal għall-Informazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Il-frażi “fornamenti mhux mitluba” tirreferi għall-sitwazzjonjiet meta konsumatur jirċievi prodotti jew servizzi li la qatt ikun talab u lanqas ordna. Il-liġi tal-konsumatur tiprojbixxi din it-tip ta’ prattika kummerċjali u ma tippermettix lill-bejjiegħa li jitolbu ħlas mingħand il-konsumaturi għall-prodotti jew servizzi mibgħuta b’dan il-mod.

Huwa wkoll ikkunsidrat bħala prattika kummerċjali inġusta jekk il-bejjiegħ jinkludi materjal ta’ kummerċ bħall-invoice, dokumenti oħra li jitolbu ħlas jew dokumenti li jagħtu l-impressjoni lill-konsumatur li jkun ordna l-prodotti meta fil-verità qatt ma jkun għamel dan.

F’sitwazzjonijiet fejn il-konsumaturi jirċievu l-prodotti jew jiġu pprovduti b’servizz li qatt ma jkunu talbu, dawn il-prodotti jew servizzi jistgħu jiġu meqjusa bħala rigal. Dan ikun ifisser li l-konsumatur la hu obbligat li jħallas għalihom u l-anqas li jirritornahom lura lill-bejjiegħ. Filfatt, f’sitwazzjonijiet hekk, il-bejjiegħa ma jistgħux jobbligaw lill-konsumaturi sabiex iħallsu. Dan għaliex ma jkun hemm l-ebda kuntratt ta’ xiri bejn iż-żewġ partijiet. Jekk il-bejjiegħ jisħaq li l-konsumatur hu marbut b’kuntratt tax-xiri, il-bejjiegħ stess ikun irid jipprovdi kopja tal-kuntratt tax-xiri u li l-konsumatur qabel ma’ dan il-kuntratt.

Meta l-bejjiegħ jinduna li l-konsumatur m’għandu l-ebda intenzjoni li jħallas għall-prodotti jew servizzi mibgħuta u jitlob li l-konsumatur sabiex jibgħat il-prodotti lura, hi r-responsabbiltà tal-bejjiegħ li jiġbor il-prodotti u li jħallas l-ispejjeż marbuta biex dawn jintbagħtu lura għandu.

Jekk il-bejjiegħ jitlob lill-konsumatur sabiex dan jibagħat il-prodotti lura, m’għandu jkun hemm l-ebda spejjeż jew inkonvenjenza għall-konsumatur. Fi kliem ieħor, jekk il-bejjiegħ ikun irid il-prodotti lura, għandu jagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa għall-kunsinna hu nnifsu.

F’sitwazzjonijiet fejn il-konsumaturi jkunu ċerti li l-prodotti li rċevew kienu mibgħuta lilhom bi żball, eżempju minħabba indirizz ħażin jew isem żbaljat, għalkemm m’għandhom l-ebda obbligu legali li jikkuntattjaw lill-bejjiegħ, hu rakkomandabbli li jagħmlu dan u jinfurmaw lill-bejjiegħ bl-iżball li jkunu għamlu. Dan joffri l-possibiltà lill-bejjiegħa li jiġbru l-prodotti u jibagħtuhom lill-konsumatur li suppost irċevihom. 

Jaf ikun hemm drabi wkoll meta persuna tirċievi prodotti jew servizzi mhux mitluba wara li tkun applikat għall-abbonament biex tirċevihom b’xejn. Hawnhekk wieħed għandu r-responsabbiltà li jaqra t-termini u kundizzjonijiet abbinati ma’ dawn l-abbonamenti qabel ma’ jikkonfermahom. Konsumatur għandu joqgħod attent li ma jaqbilx involontarjament li jibda jirċievi oġġetti jew servizzi bi ħlas wara li jintemm il-perjodu ta’ prova. Importanti ħafna li wieħed jagħti każ tal-proċedura li għandu jsegwi jekk ma jkunx irid jibqa’ jirċievi l-prodotti jew servizzi.

Il-kunsens biex wieħed ikompli jirċievi l-prodotti jew servizzi wara l-perjodu ta’ prova ma jistax jiġi dedott permezz t’għażliet awtomatiċi li l-konsumaturi għandhom jirrifjutaw sabiex jevitaw ħlas addizzjonali. Jekk jiġri dan u l-konsumaturi jkollhom iħallsu għat-tali prodott jew servizz, ikunu jistgħu jitolbu rifużjoni totali tal-flus li jkunu tħallsu mingħajr awtorizzazzjoni.

F’każ ta’ lmenti ma’ bejjiegħa lokali dwar servizzi jew prodotti li qatt ma ġew ordnati, wieħed jista’ jiftaħ l-ilment tiegħu mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Mill-banda l-oħra, jekk l-ilment ikun ma’ bejjiegħ li jinsab fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-Iżlanda u n-Norveġja, jista’ jikkuntattja liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur ta’ Malta (ECC-Malta). 

L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur  fuq il-freephone 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.

Ekonomija

Sport