Għaddiet ġimgħa minn meta sar magħruf li l-kontestanti għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista huma Adrian Delia u Alex Borg. Dan il-perjodu jiftaħ fażi kruċjali u sensittiva għall-PN: jekk ma jirnexxilux jingħaqad u jirbaħ lura l-fiduċja – mhux biss tal-elettorat, iżda wkoll tan-nies tiegħu stess – ir-riskju huwa li jibqa’ jittawwal bħala Oppożizzjoni fantażma, maqtugħ mill-kuntest politiku reali.
Il-kampanja kellha tkun “tellieqa bejn il-ħbieb”, iżda r-realtà qiegħda turi stampa differenti. Il-kliem qawwi, il-battibekki fil-midja u l-attakki bejn il-partitarji qegħdin jikkonfermaw li dan il-proċess elettorali mhux qed jgħaqqad imma qed japprofondixxi l-firda persistenti fil-Partit.
Il-“gwerra” Delia vs Borg
Fil-bidu, kemm Delia kif ukoll Borg indikaw li ma kinux se jikkontestaw kontra xulxin. Saħansitra kien hemm rapporti li Delia kien se jappoġġja lil Borg bil-kundizzjoni li tiġi żgurata l-pożizzjoni tiegħu fil-Partit. Madankollu, iż-żewġ kandidaturi ġew ippreżentati u malajr ħarġet fil-beraħ tensjoni bejn il-partitarji rispettivi.
Il-midja soċjali saret epiċentru ta’ ġlied b’kummenti qawwija, tgħajjir, allegazzjonijiet u rabja. Partitarju ta’ Delia sa wasal jgħajjar lil Borg “wieħed mill-akbar giddibin” u ddikjara li nkiser ftehim sigriet. Oħrajn sejħulu “trojan horse” – allegazzjoni gravi li jista’ jkun infiltrat mill-PL.
Żewġ viżjonijiet, żewġ ġenerazzjonijiet
Min-naħa l-oħra, il-partitarji ta’ Borg jikkritikaw lil Delia bħala figura tal-passat, simbolu ta’ epoka li għandha tintemm. Il-kritika varjat minn “third-tier Nationalists” għal “żlealtà politika”. Hawnhekk il-konflitt m’għadux biss bejn żewġ individwi imma bejn żewġ viżjonijiet: waħda li trid kontinwità u l-oħra li taspira għal bidla u tmexxija aktar żagħżugħa u moderna.
Il-ġlieda reali qiegħda sseħħ fuq il-midja soċjali – fuq Facebook, TikTok u fl-artikli b’kummenti bħal “mhux se nivvota jekk jirbaħ” u “il-PN qed isir battalja ta’ egos”. Dawn juru kemm hemm pressjoni fuq l-għaqda interna. Minkejja talbiet għal dibattitu bejn il-kandidati, l-Amministrazzjoni Nazzjonalista ħarġet regoli li bihom, għal darb’oħra, sikktu liż-żewġ kandidati.
Salib it-toroq għall-PN
Il-konfront bejn Delia u Borg mhuwiex sempliċi kompetizzjoni – imma sintomu ta’ kriżi usa’ ta’ identità fil-PN. Il-partit jinsab f’salib it-toroq bejn żewġ strateġiji: kontinwità b’esperjenza u bidla b’enerġija ġdida. Madanakollu, jekk il-PN jibqa’ maqsum, jibqa’ f’limbu fejn l-ebda Kap ma jista’ jġibu lura fuq saqajh.
L-għażla mhiex biss dwar il-personalità imma hija dwar il-kapaċità li jmexxu partit magħqud, kredibbli u rilevanti. Il-futur tal-PN jiddependi fuq kemm din l-elezzjoni se tkun pass lejn l-għaqda jew le.
Meta l-ħolm isir illużjoni
Jekk il-PN jibqa’ f’dan l-istat ta’ ġlied, diskors tossiku u telf ta’ direzzjoni, il-Kap il-ġdid ma jkollux effett. Il-partit ma jqumx. Il-proċess elettorali jitfarrak u jġib miegħu aktar frustrazzjoni u sfiduċja. Għaqda fil-Partit Nazzjonalista bħalissa tidher li hija biss ħolma. Imma, il-politika ma tirnexxix bil-ħolm. Il-poplu jistenna alternattiva serja u b’saħħitha u s’issa, dak li għandu huwa biss il-Gvern preżenti li jaħdem filwaqt li, kif qegħdin nerġgħu nikkonfermaw f’dawn il-ġranet, l-Oppożizzjoni tinsab imfarrka.