Friday, December 20, 2024

Il-PN jappoġġja s-sejħa biex il-perjodu ta’ kwarantina jitnaqqas għal ħamest ijiem

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista appoġġja s-sejħa tal-Kamra għan-Negozji żgħar u Medji biex jitkompla jitnaqqas il-perjodu ta’ kwarantina għal ħamest ijiem.

Fi stqarrija, il-PN qal li huwa favur għal dan kemm minħabba li l-varjant tal-Omicron huwa aktar dgħajjef kif ukoll minħabba l-għexieren ta’ eluf ta’ nies li jinsabu fi kwarantina.

“Is-sitwazzjoni attwali għandha impatt tremend fuq l-operat tal-pajjiż u l-ekonomija, minkejja li l-gvern jidher li qed jimminimizza l-kwistjoni.”

Il-Partit Nazzjonalista appella wkoll biex ikun hemm sistema xierqa għal dawk li ġenwinament ma jistgħux jieħdu l-vaċċin. Il-PN qal li dan hekk kif qed jiffaċċjaw ħafna inċertezza kawża tar-regolamenti li jidħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar, anke minħabba li huwa diffiċli ħafna biex taqbad fuq il-helpline.

“Is-sistema proposta għandha tkun riveduta u ssir aktar ġusta biex ma tgħabbix piż bla bżonn fuq iċ-ċittadini Maltin, speċjalment għal dawk li jridu jsiefru, kif qal ukoll l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.”

Il-Partit Nazzjonalista tenna l-appell tiegħu għall-estensjoni tal-wage supplement f’setturi speċifiċi li qed ibatu l-iktar l-impatt tal-Pandemija, b’mod partikolari s-setturi tat-turiżmu u l-ospitalitá. 

Il-PN laqa’ d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li din il-proposta qed tiġi kkunsidrata u ħeġġu biex ikun aktar speċifiku.  

Il-Partit Nazzjonalista tenna wkoll l-appell tiegħu lill-gvern biex jillegalizza l-kits ta’ self-testing.

Ekonomija

Sport