Tuesday, December 24, 2024

Il-PN japprova żewġ kandidati oħrajn għall-elezzjoni tal-PE

Aqra wkoll

Ilbieraħ filgħaxija, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kompla l-proċess li fih japprova l-kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li se ssir fit-8 ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla.

Dan hekk kif approva l-kandidatura ta’ Norma Camilleri u LouiseAnne Pulis, li b’hekk jingħaqdu mal-MEPs Roberta Metsola u David Casa, u ma’ David Agius, Peter Agius u Miriana Testaferrata de Noto, li kienu approvati bħala kandidati aktar kmieni din is-sena.

Norma Camilleri hi Speech-Language Pathologist u impenjata favur it-titjib tas-soċjetà għax temmen li servizzi essenzjali, bħall-kura tas-saħħa, huma dritt bażiku tal-bniedem. Hi l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Federation of Professional Associations (MFPA), fejn taħdem fost oħrajn fuq proġetti lokali u anke bi sħab ma’ pajjiżi oħrajn grazzi għal fondi mill-Unjoni Ewropea.

Norma hi involuta wkoll fil-volontarjat, partikolarment bħala President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-iSpeech and Language Therapy (ESLA) u anke President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-iSpeech-Language Pathologists (ASLP). Tirrappreżenta lis-settur tas-Saħħa, Anzjani u Pensjonanti fis-Civil Society Committee fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), kif ukoll membru fil-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Hi wkoll mużiċista b’imħabba partikolari għall-kultura u l-performing arts.

Norma hi miżżewġa lil Andre u għandhom tifla.

LouiseAnne Pulis hi Avukat u għandha Master fid-Drittijiet Umani u fis-sistemi demokratiċi u demografiki. Hi għandha għal qalbha lill-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà, partikolarment minħabba li għandha membru tal-familja li tbati mill-kundizzjoni tal-awtiżmu u allura, taf l-isfidi li dawn jiffaċċjaw. Fil-ħidma tagħha, hi tara wkoll li jkun hemm aktar rikonoxxenza, aċċettazzjoni u għajnuna għal min jiffaċċja dawn l-isfidi partikolari.

LouiseAnne hi miżżewġa u għandha żewġt itfal.

Ekonomija

Sport