Thursday, December 19, 2024

IL-PN JEĦTIEĠ LI MILL-KLIEM JGĦADDI GĦALL-FATTI

Aqra wkoll

Kif kien mistenni, Bernard Grech kien ikkonfermat bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan wara li rnexxielu jikseb il-fiduċja tal-maġġoranza tal-Kunsilliera Nazzjonalisti li kienu msejħa jivvutaw għall-ħatra tal-Kap. F’din l-elezzjoni Grech tellaq waħdu u għaldaqstant il-Kunsilliera ma kellhomx għażliet oħra ħlief li jagħtu l-fiduċja lilu, jew jivvutaw kontra jew li saħansitra jagħżlu li ma jipparteċipawx f’dan il-proċess. Grech ġab 81% tal-voti tal-Kunsilliera li vvotaw fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN.

Għalkemm dan ir-riżultat mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ jiġi interpretat bħala li Grech kiseb mandat b’saħħtu, wieħed irid iħares lejn l-istampa sħiħa. B’kollox ivvutaw 1,402 minn total ta’ 1,564 kunsillier eleġibbli f’din l-elezzjoni. Dan minnu nnifsu huwa indikattiv ta’ ċertu nuqqas ta’ interess, billi ftit aktar minn 10% għażlu li ma jiħdux sehem f’dan il-proċess demokratiku. Dan anke fl-isfond tat-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu.

Il-mistoqsija li ġiet impoġġija quddiem il-Kunsilliera Nazzjonalisti kienet “Taqbel li Bernard Grech jinħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista?.” Kienu 1,124 il-Kunsilliera li wieġbu IVA, 266 oħra qalu li ma jaqblux mal-ħatra ta’ Grech, u 12-il vot ieħor kienu invalidi. B’hekk meta wieħed iqis kollox flimkien, isib li l-Kap Nazzjonalista ġab 72% tal-voti kollha eleġibbli fil-Kunsill Ġenerali li ġie fi tmiemu s-Sibt li għadda.

Dan ir-riżultat iġib miegħu għadd ta’ mistoqsijiet oħrajn dwar il-partit fosthom dwar min se jkun qiegħed jokkupa l-kariga ta’ viċi kapijiet tal-partit u jekk dawn humiex se jkunu l-istess uċuħ jew uċuħ ġodda. Kemm se jkun kapaċi l-Partit Nazzjonalista jgħaddi mill-kliem u diskors fieraħ ta’ tiġdid għall-fatti billi jagħti ċ-ċans lill-elementi ġodda. 

L-ewwel diskors ta’ Bernard Grech jixhed ukoll li ftit li xejn lest li jerfa’ ċertu responsabbilitajiet hekk kif kompla biex ifarfar il-ħtija minn fuqu. Ftit minuti wara li tħabbar ir-riżultat beda d-diskors tiegħu dwar problema li jidher li qiegħda tinkwetah ferm fl-irwol tiegħu. Din hija l-problema tal-finanzjament u d-dejn tal-partit. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu huwa xeħet il-ħtija tad-dejn fuq il-kumpaniji kummerċjali tal-partit u qal li dawn ma jistgħux jibqgħu jixorbu mill-istess partit. 

Nemmnu wkoll li d-diskors tiegħu kellu ħafna xi jgħid għal min ried jifhmu. Minkejja li beda jsostni li r-riżultat juri li l-kunsilliera żiedu l-fiduċja fih, huwa ħa l-opportunità biex ikompli bil-botta li żellaq rigward il-fatt li dawk kollha li jimmilitaw fil-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jgħinuh jibni u mhux ikissru l-istess partit.

Fl-aħħar jiem l-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kompla jikkummenta fejn fost l-aktar riċenti xeħet il-botta tiegħu rigward il-possibbiltà li kunsilliera msefrin ikollhom prokuratur tal-vot ‘proxy’ fejn f’ritratt li xerred minn Pariġi huwa qal li jinsab inpersona preparat għal-logħba sabiħa… bla proxy. Din setgħet ġiet interpretata wkoll b’Azzopardi jqabbel l-logħba tal-finali taċ-Champions League mal-elezzjoni tal-Partit Nazzjonalista li fil-verità ftit li xejn kien fiha xi ssegwi hekk kif Grech tellaq waħdu.

Huwa faċli li titkellem dwar il-verità, l-imħabba u l-ambizzjoni li twettaq il-bidla, iżda kemm verament se jkun lest biex jibda din il-bidla Bernard Grech għad irridu naraw. Nemmnu li mexxej tajjeb huwa wieħed li lest li jieħu d-deċiżjonijiet u jekk hemm xi ħadd li fl-aħħar snin kien kapaċi jagħmel deċiżjonijiet li mexxew lil pajjiżna ’l quddiem kien Robert Abela u t-tim tiegħu. 

Niftakru li fi żmien fejn in-negozji tagħna talbu spalla, gvern Laburista kien hemm biex jagħti kull għajnuna fi żmien ta’ pandemija. Ftit xhur wara meta kontra kull xniegħa, pajjiżna qabad jersaq lejn normalità assoluta, il-Gvern reġa’ wera kemm aħna pajjiż reżiljenti biex żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Dawn huma biss ftit mid-deċiżjonijiet li jistgħu jgħinu lill-poplu biex jikkonferma kemm fis-26 ta’ Marzu li għadda, għamel għażla tajba biex pajjiżna jibqa’ miexi fid-direzzjoni tas-suċċess.

Ekonomija

Sport