Monday, April 29, 2024

“Iż-żmien isajru l-bajtar… għafsa ta’ qalb għat-tradizzjoni li qed tispiċċa”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu Talk.mt kellu l-opportunità li jaqsam magħkom ir-ritratt taċ-ċkejken jitgħannaq mal-baqra waqt it-tħejjija tal-bhejjem għall-wirja tal-AgriFair.

Proprju lbieraħ, waqt li żorna l-wirja agrarja organizzata f’Ħad-Dingli kompliet tispikka l-qabża fl-etajiet ta’ dawn ir-raħħala. Tkellimna ma’ uħud minnhom u qalulna li għalkemm l-hena tagħhom jaraw lin-neputijiet b’ċertu namra lejn ix-xogħol, b’għafsa f’qalbhom ikollhom jirrassenjaw ruħhom li dawn ma jistgħux jaqilgħu x’jieklu minnhom bħalma jaqilgħu minn ċertu xogħlijiet oħrajn li fihom jitħammġu u jbatu inqas.

L-anzjan jaħleb b’ċertu esperjenza hu u jagħmel il-ħsejjes biex iżomm in-nagħġa rilassata

Waqt il-kompetizzjoni tal-ħlib, il-fotografu tagħna Alan Saliba rnexxielu jiġbed din il-qabża fiż-żmien b’ritratti li m’għandhom bżonn tal-ebda deskrizzjoni għax din tista’ faċilment tiġi osservata. Ninnutaw l-esperjenza tar-raħħal anzjan, li anke jekk ma felaħx joqgħod jaħleb għarkubbtejh, u forsi jdejh ma jagħtuhx biex iħaffef daqs ir-raħħala iżgħar li kienu qegħdin jikkompetu miegħu, kellu bħal strateġija. Innutajnih li b’kunfidenza aktar mill-oħrajn ħaleb dirett ġo barmil kbir mingħajr ma beża’ li n-nagħġa setgħet teqliblu l-ħalib u b’hekk żgur li ma kellu l-ebda tħarbit ta’ ħalib ladarba ġie biex jiżen. Inxteħet bilqiegħda u bil-kalma kollha beda jaħleb u jagħmel ċertu ħsejjes daqslikieku qiegħed ikellem lin-nagħġa biex tirrilassa u tagħtih il-massimu.

Ir-raħħal ċkejken bil-ħabla f’idu jindokra n-nagħġa waqt il-ħlib

Minn naħa l-oħra kellek iċ-ċkejken bil-ħabla f’idu li għalkemm għadu żgħir biex iżomm in-nagħġa milli tiċċaqlaq, resaq biex jagħti sehmu. Il-ħarsa tiegħu tista’ tiġi interpretata bħala waħda ta’ protezzjoni hekk kif beda josserva lil min kien qiegħed iżomm in-nagħġa daqslikieku ried iwissih biex ma jkabarhiex għax għar-raħħal, “il-merħla trid tieħu ħsiebha biex tieħu ħsiebek”.

L-anzjan hu u jqarweż bil-ġelem

Paragun ieħor ta’ min jinnnutah kien dak bejn ir-raħħal l-anzjan li jaqrweż bil-ġelem u ż-żagħżugħ li juża l-magna tal-elettriku. L-anzjan qalilna li għalkemm bil-magna ħeles qablu, hu llum jgħodd kważi 79 sena u li ċert li fi żmienu kien iħabbata sew bil-ħeffa li kellu f’idejh. Għalkemm ma kinitx kompetizzjoni ta’ min jispiċċa l-ewwel, l-anzjan spiċċa biss madwar ħames minuti wara ż-żagħżugħ.

Iż-żagħżugħ hu u jqarweż bil-magna tal-elettriku

Sport