Monday, April 22, 2024

“Jgħidu li bin is-sengħa għandu nofsha u li d-demm jiġbed… min jaf”

Missier it-tfajjel li seraq l-attenzjoni b'tgħanniqa ma' waħda mill-baqar fl-AgriFair

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Din il-wirja agrarja li ġiet fi tmiemha lbieraħ ġabet magħha ħafna tagħlimiet u sorpriżi. Dan is-sit segwa mill-qrib l-andament tal-AgriFair u tkellem ma’ bosta persuni fis-settur.

Wara li assistejna u anke qsamna magħkom il-mument sabiħ meta nagħġa fil-wirja ħasset li kellha tkompli żżid il-ferħ bit-twelid ta’ ħaruf il-ġmiel tiegħu dan is-sit qiegħed jaqsam magħkom ritratt ieħor mill-isbaħ miġbud mill-fotografu tagħna Alan Saliba.

“Nemmen li tkun fik… jekk jagħżel li jsegwi din il-linja se jsibni hemm biex ngħinu”

Missier iċ-ċkejken

Tkellimna ma’ missier iċ-ċkejken li deher jitgħannaq ma’ waħda mill-baqar fil-wirja. Qalilna li huma fil-familja bil-baqar, kemm hu kif ukoll ħutu trabbew ma’ missierhom li wirtu s-sengħa ta’ raħħala mingħandu. B’nofs daħka qalilna li t-tfal mhux faċli taqbdilhom kaptu ta’ x’linja jaqbdu, iżda li ma jistax jiċħad li jemmen li l-imħabba lejn dan ix-xogħol tkun fid-demm.

Huwa ddikjara jgħid li minkejja l-isfidi kbar li qed jaffaċċja s-settur, anke b’żieda qawwija fil-prezzijiet tal-għalf, jekk ibnu jagħżel li jsegwi l-passi tiegħu, żgur li se jagħti s-sostenn kollu tiegħu, wara kollox, kif jemmen li għandu jagħmel kull missier ieħor.

Sport