Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jiddefendi b’mod mill-iktar qawwi lis-Serba Miroslava Milenovic, minkejja li din ħadmet f’pajjiżna bħala ‘foresic accountant’ meta lanqas biss kellha warrant biex taħdem ta’ ‘accountant’. F’artiklu ta’ paġna sħiħa fil-gazzetta In-Nazzjon li beda mill-faċċata, il-Partit Nazzjonalista għażel li jinjora għal kollox dikjarazzjonijet mill-iktar ċari u serji li saru fil-Qorti mill-ogħla uffiċjali tal-Board tal-Accountants f’Malta dwar in-nuqqas ta’ kwalifiki li għandha Milenovic. Minflok iġġustifika l-ksur il-liġi tal-accountants Maltin minn naħa ta’ Milenovic, billi qal li s-Serba tqabbdet taħdem f’Malta minn numru ta’ Maġistrati. Dan iżda huwa irrelevanti għall-punt prinċipali, u cioe li Milenovic qatt ma kellha warrant biex taħdem bħala ‘accountant’ f’Malta.
Miroslava Milenovic kienet inħatret bħala ‘forensic accountant’ fl-inkjesta Vitals mill-Maġistrat Gabriella Vella f’Ottubru tas-sena 2019, anki jekk liċenzja li kellha fis-Serbja biex taħdem ta’ ‘accountant’, kienet twaqqfitilha sentejn qabel. Fil-Qorti ċ-Chairman tal-Accountancy Board Edgar Borg qal bl-iktar mod ċar li sabiex persuna tkun tista’ tgħid li hija ‘forensic accountant’, fl-ewwel post trid tkun ‘accountant’ u jrid ikollha warrant.
Is-sur Borg qal li minn żewġ ċertifikati ta’ Milenovic li l-pulizija bagħtu lill-Accountancy Board, kien irriżulta li dawn ma kienux tajbin biex hija setgħet taħdem ta’ ‘accountant’ f’Malta. Huwa kkonferma wkoll li f’Malta persuna ma tistax tgħid li hija ‘accountant’ meta ma jkollix warrant u jekk tagħmel hekk tkun qed tikser il-liġi.
Iċ-Chairman tal-Accountancy Board qal li persuna li ma jkollux warrant ta’ ‘accountant’ tista tagħmel biss xogħol ta’ book-keeping u payroll. Borg ikkonferma li persuna mingħajr warrant ta’ ‘accountant’ ma tistax tagħmel rapporti ta’ analiżi jekk dawn eventwalment jintużaw minn terzi persuni.
Minn naħa tiegħu, l-eks Segretarju tal-board tal-accountancy Martin Spiteri, li anki kellu laqgħa mal-Pulizija dwar il-kwalifiki tas-Serba, xehed li Miroslava Milenovic hija ‘l bogħod ħafna milli tkun meqjusa li hija ‘accountant’. Fix-xhieda tiegħu Spiteri kkonferma wkoll illi sabiex persuna tkun tista’ taħdem bħala ‘forensic accountant’, l-ewwel trid tkun ‘accountant’.
L-eks Segretarju tal-‘Board tal-Accountancy’ spjega fil-Qorti li huwa vverifika l-kwalifiki li Milenovic ippreżentat lill-Pulizija, tlett darbiet permezz ta’ sistema li jħaddmu l-Association of Chartered Certified Accountants (ACCA). Spiteri qal li huwa iċċekja l-validità tal-kwalifiċi li Milenovic qalet li kellha fis-sena 1996, fis-sena 2000 u s-sena l-oħra. Minn dan kollu rriżulta li minn 13-il eżami li l-ACCA tgħid li persuna trid tkun għaddiet minnhom sabiex tkun tista’ taħdem bħala ‘accountant’, hija għaddiet biss minn 4.
Is-Segretarju kurrenti tal-Board tal-Accountants, Joseph Schembri Kamm kkonferma li Milenovic qatt ma kellha warrant ta’ accountant f’Malta u kkonferma li qatt ma applikat biex tingħata warrant.
Minn naħa tagħhom, il-Pulizija qalu li qatt m’għamlu kuntatt mal-Malta Qualifications Council biex jivverifikaw l-validità tal-kwalifiki ta’ Milenovic f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Il-Pulizija kkonfermaw li ma jafux jekk il-kwalifiċi li Milenovic qalet li għandha, humiex tajbin jew le biex taħdem f’Malta għax qatt ma investigaw il-kredenzjali tagħha u qalu li dwar il-kompetenzi tagħha, iwieġeb min ħatarha bħala esperta. Il-Korp qagħad fuq ic-CV ta’ Milenovic, li ingħata lilhom mill-avukat tagħha Peter Fenech, avukat qrib ħafna tal-PN.
Meta l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud inġibditlu l-attenzjoni dwar dak li kien xehed iċ-Chairman tal-Accountancy Board Edgar Borg, qal li huwa ma kienx konxju ta’ dan u żied li kieku l-Pulizija kellha quddiemha dikjarazzjoni bħal din, il-konklużjoni tal-istħarriġ tagħha dwar Milenovic setgħet kienet differenti.
Għall-PN dawn il-fatti kollha iżda ma jiswew xejn. Għall-PN il-bżonn fundamentali li l-esperti mqabbda mill-Qorti jkollhom il-kwalifiċi neċessarji, kif titlob il-liġi Maltija, għall-inkarigu li jingħataw, sar ma jgħodd xejn. Fl-istess ħin, din id-difiża totali ta’ Milenovic, tikxef fil-beraħ għal darb’oħra l-ipokrezija tal-PN. U dan għax matul is-snin li għaddew kien l-istess PN li ħareġ jattakka qatta bla ħabel bil-għan li jimmina inkjesti li llum iżda qiegħed jagħmilhom tiegħu, u dan bil-għan li joħroġ għonqu għas-Serba.
Il-pożizzjoni li l-PN issa għażel li jieħu b’mod uffiċjali, hija wkoll l-istess pożizzjoni li ħadet fl-aħħar ġimgħat u xhur l-għaqda Repubblika, li kienet hija li talbet li ssir l-inkjesta Vitals. Konferma oħra ta’ kemm din l-inkjesta u dak li seħħ u għadu qed iseħħ wara huwa biss vendetta politika fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
