Monday, August 24, 2026
Home Fehmietna KALENDARJU KULTURALI RIKK U VIBRANTI

KALENDARJU KULTURALI RIKK U VIBRANTI

0
67

Il-gżejjer Maltin joffru kalendarju kulturali rikk u vibranti matul is-sena kollha. B’mod partikolari f’dan l-istaġun tas-sajf fejn l-attivitajiet prattikament ma jieqfu xejn. Minn festi fl-ibliet u l-irħula, festivals tal-arti u l-mużika, wirjiet storiċi sa kunċerti fil-miftuħ. Bla dubju dan kollu jħalli wkoll impatt fuq l-attività turistika f’pajjiżna.

Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li dan is-settur għamel qabża kbira fil-kwalità. Fil-fatt, qegħdin naraw aktar avvenimenti kulturali jittellgħu b’mod professjonali għall-aħħar li jħabbtuha sew ma’ dawk li jittellgħu f’pajjiżi oħra. U x-xogħol f’dan ir-rigward qed ikompli għaddej biex dak miskub ikompli jissaħħaħ. 

F’dan il-kuntest, meta wieħed iqabbel is-sitwazzjoni tal-lum ma’ dik ta’ ftit snin ilu, tara qabża kbira f’dan is-settur. Il-Gvern qiegħed ukoll jinvesti f’dan is-settur billi jagħti aktar inċentivi lil artisti lokali sabiex jimirħu aktar u fejn hemm bżonn jassisti anke b’għajnuniet finanzjarji u b’hekk dak kollu li aħna mogħnija bih mill-aspett kulturali tat-tradizzjonijiet jibqa’ jinżamm ħaj.

Xi ħaġa oħra li tolqot l-għajn hi l-parteċipazzjoni tan-nies f’dawn l-attivitajiet. Dan ġie nnutat ukoll fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fejn mijiet ta’ nies ikkonkorrew biex jassistu għall-Karnival tas-Sajf li ttella’ f’żewġ lokalitajiet, Buġibba u Wied il-Għajn. Għalkemm il-Karnival normalment nassoċjawh max-xhur tax-xitwa, din l-attività fis-sajf qiegħda tkompli tattira l-udjenzi u qiegħda tkompli tikber minn sena għal oħra.

Ma nistgħux għalhekk ma nfaħħrux l-għadd kbir ta’ inizjattivi li qed jittieħdu f’dan il-qasam, b’mod partikolari minn Festivals Malta, li permezz tagħhom qegħdin jittellgħu attivitajiet ta’ din il-portata. Fuq kollox jidher li dan l-impenn se jkompli jkabbar l-attivitajiet kulturali li jsiru fix-xhur kollha tas-sena. 

Għalhekk, dan l-investiment kien, għadu u jibqa’ kruċjali biex tkompli tkun ikkonsolidata l-kultura ta’ dan il-pajjiż. Kultura li qiegħda tkun mifruxa f’kull parti ta’ Malta u Għawdex u li qiegħda tħalli għadd ta’ benefiċċji ekonomiċi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here