Kulħadd irid il-ġustizzja… sakemm issir miegħu/magħha biex tpatti għall-inġustizzji li jkunu twettqu kontra tiegħu/tagħha. Fuq quddiem nett, il-ġustizzja soċjali saret tfisser kollox għal kulħadd, skont il-konvenjenza… hekk ġieli jkollok tissuspetta.
Ħafna drabi, ftit tingħata attenzjoni li l-ġustizzja mhijiex biss prinċipji imma biex tkun qed titħaddem tassew, trid tistrieħ fuq magna amministrattiva li taħdem bis-sens u b’effiċjenza, skont prinċipji li kulħadd jaċċetta. Xejn ma juri dan ċar daqs ir-relazzjonijiet internazzjonali. Fihom bl-aktar mod lampanti, kulħadd jikkundanna l-inġustizzji u l-moħqrijiet li jwettaq ħaddieħor u ma jimportahx minn dak li jkun wettaq hu.
Il-potenzi Ewropej jinnegaw li kkommettew atroċitajiet fit-tmexxija tal-kolonji “tagħhom”. Ir-Russi jinnegaw li bl-invażjoni tagħhom tal-Ukrajna kisru l-liġi internazzjonali. L-Iżraeljani jikkundannaw kull kritika li ssirilhom bħala anti-semita waqt li jiksru kull linja ta’ ġustizzja fil-modi kif jaħqru u joqtlu bil-gzuz Palestinjani innoċenti. U issa għandna lill-Istati Uniti li jpoġġu sanzjonijiet iebsa fuq ġudikanti tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għax ma jaqblux li għandha tiġi applikata xi ġustizzja fil-każi li jinteressaw lil din il-qorti.
PIŻ TAL-EWROPA
Id-domma uffiċjali tal-istabbiliment kollu hi li Malta gawdiet u qed tgawdi bil-kbir mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea. Din it-teżi mhiex aħjar minn att tal-fidi għax qatt jew kważi ma jsir xi sforz analitiku biex jifli kemm hi minnha, kif u fhiex.
Element tal-analiżi jkun li l-fondi u l-iskambji bejn Malta u l-bqija tal-Unjoni jitkejlu b’mod dinamiku. Id-dħul u l-ħruġ finanzjarji rari jitqiesu b’dal-mod. Imbagħad, l-effetti tal-importazzjoni u l-esportazzjoni… minn fejn u kif jiġu… hu element ieħor li jrid jitqies, għalkemm fl-imgħoddi uħud ċaħdu li dan hu relevanti.
Terġa’, hemm l-analiżi ta’ kif strutturalment żviluppat l-ekonomija Maltija. Matul is-snin, saret dejjem aktar tiddependi mis-servizzi. Anke hawn, l-impatt tas-sħubija messu jitqies bil-galbu.
L-istabbiliment dejjem ipprefera li l-ebda dubji ma jitħallew jidħlu fl-att tal-fidi “nazzjonali” dwar l-Ewropa.
TERRORISTI
Ftit hawn kliem li t-tifsira tagħhom ġiet żvalutata daqs dik ta’ “terrorista”. Mhux biss kull min jirreżisti bil-forza reġim – demokratiku jew le – malajr jaqla’ t-tabella ta’ “terrrorista”. Ta’ spiss ukoll, anke dawk li jqajmu movimenti ta’ protesta paċifika kontra l-gvern tal-ġurnata – mill-Iran sar-Russja u l-Istati Uniti – jaqilgħu dan it-titolu bil-konsegwenzi li jġib miegħu. Fiż-żminijiet kolonjali, il-movimenti li ġġieldu għall-indipendenza kollha ssejħu hekk.
Għalkemm il-kelma tintuża żżejjed, għadha sservi biex gvernijiet – liberali u dittatorjali – jaffaċċjaw u jrażżnu d-dwejjaq ikkawżat mill-politika tagħhom. Mhux kull ma jissejjaħ terrorista filfatt ikun hekk. Ġieli, min iħaddem dik il-kelma, jkun hu li jaġixxi ta’ terrorist.




