Wednesday, June 25, 2025

IL-PN JIMBLOKKA EMENDI KOSTITUZZJONALI

Aqra wkoll

Għal darba oħra l-Partit Nazzjonalista reġa’ qal “Le” u saħansitra fil-Parlament ivvota kontra emendi kostituzzjonali li jirrigwardjaw il-qasam tal-ġustizzja li ressaq il-Gvern bil-għan li jkomplu jsaħħu l-istandards u l-effiċjenza f’dan is-settur tant importanti għad-demokrazija. L-Oppożizzjoni ppruvat tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha billi nsistiet li hi favur riforma sħiħa u komprensiva tal-kostituzzjoni. Argumentat li kull tibdil kostituzzjonali għandu jsir wara kunsens wiesgħa mhux biss mill-partiti imma wkoll mas-soċjetà u maċ-ċittadini.

L-emendi litressqu, fihom infushom kienu żviluppi importanti fit-tkomplija tar-riforma li qed issir fil-qasam tal-ġustizzja sabiex tkompli tissaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fil-Qrati tagħna u l-operat tagħhom. Iżda bil-vot tal-Oppożizzjoni fil-Parlament il-maġġoranza ta’ dawn l-emendi m’għaddewx għaliex kienu jinħtieġu l-vot taż-żewġ terzi tal-Kamra biex jgħaddu. 

Irridu qabel xejn infakkru li parti minn din ir-riforma ma waqgħetx mis-sema. Kien wera l-ħtieġa tagħha l-Prim Imħallef Mark Chetcuti nnifsu fl-2023 li kien ippropona struttura ta’ monitoraġġ għal dixxiplina interna fuq il-ġudikatura. Dan kien għamlu fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tas-Sena Forensi. Ninnutaw ukoll li l-għaqda tal-Imħallfin u l-Maġistrati wrew ir-rieda li jinvolvu ruħhom f’dawn ir-riformi u kienu lesti jikkoperaw biex l-għanijiet tagħhom jintlaħqu. 

Minkejja dan kollu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista baqgħet issabbat saqajha u vvotat kontra kull emenda. Il-konsegwenza tal-aġir tal-oppożizzjoni kienet li m’għaddewx l-emendi li kellhom l-għan li jtejbu u jsaħħu l-qafas ġudizzjarju. Bl-istess mod, mhux se jkun possibbli lanqas li jinħolqu aktar sezzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, biex tiżdied l-effiċjenza f’kawżi li jitrattaw il-jeddijiet fundamentali tal-individwu.

Emendi oħra li kienu mblukkati mill-PN kienu jirrigwardaw ż-żieda fl-età ta’ irtirar tal-ġudikatura, it-tisħiħ tal-proċess tal-ħatra tal-Prim Imħallef fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-indirizzar ta’ lakuni legali li jafu joħolqu impass fl-evenwtali ħatra ta’ Awditur Ġenerali, liema emendi kienu jirrikjedu l-vot ta’ żewġ terzi.

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-vot tal-Membri Parlamentari Laburisti, għaddiet l-emenda biex ikun appuntat Kummissarju tal-Istandards tal-Ġudikatura bil-għan li jaġixxi bħala punt ta’ riferiment indipendenti għall-investigazzjoni ta’ lmenti kontra membri tal-ġudikatura. Dan l-iżvilupp se jagħti għall-ewwel darba liċ-ċittadin il-possibbiltà li jressaq ilment hu billi jikteb direttament lill-Kummissarju. 

Għalhekk, il-politika tal-le qatt ma rrendiet servizz lill-poplu u jeħtieġ li titwarrab darba għal dejjem mill-vokabularju politiku tal-Partit nazzjonalista. Huwa dmir l-oppożizzjoni li tikkritika fejn hemm bżonn u mhux li tikkritika biss bex tkun sempliċiment ikkritikat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport