Fiż-Żurrieq, il-Ħadd filgħodu waqt attività politika organizzata mill-Partit Nazzjonalista, il-kap Alex Borg qal li l-partit jinsab lest għal meta l-Prim Ministru “jiddeċiedi li jsaffar is-suffara”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt l-intervista qal li l-Gvern qisu sebaħ f’paniku f’daqqa waħda u dak kollu li wiegħed fl-aħħar 13-il sena issa qed jipprova jwettqu jew jerġa’ jwiegħed li se jwettqu. Borg qajjem il-mistoqsija dwar il-kredibbiltà tal-Gvern ta’ Abela fejn jidħlu ambjent, saħħa, traffiku u oqsma oħra li l-Gvern abbanduna u li llum qed jerġa’ taparsi jifrakar fihom.
Fl-istess intervista, Dr Borg irrefera għal proposta li għamel żmien ilu dwar iċ-Child Trust Fund fejn qal li Gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed jagħti lill-koppji u l-familji pedament biex fuqu jibdew jibnu futur isbaħ għal uliedhom. Dan il-fond jissarraf f’€5,000 għal kull wild ġdid li jibda jwitti t-triq għal futur aktar fis-sod għal dak il-wild.
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru qiegħed kulma jmur ipoġġi lilu nnifsu ‘l fuq mill-kumplament tal-poplu u filwaqt li kull ħaddiem hu mistenni jiddikjara kull ċenteżmu li jaqla’, Robert Abela qed iwaqqaf kull farka ta’ trasparenza tiegħu u ta’ sħabu l-Ministri u saħansitra tas-sieħeb jew sieħba tagħhom minn kull skritinju tal-pubbliku.
Dwar Għawdex Alex Borg qal li t-track record ta’ Gvern Laburista għal din il-gżira huwa ta’ ħafna wegħdi li baqgħu fl-arja. Kuntrarju għal dan, Gvern Nazzjonalista għandu track record mill-aqwa mal-Għawdxin li sal-lum għadhom igawdu minn investimenti qawwija li saru minn Gvernijiet Nazzjonalisti.


