Monday, July 14, 2025

IL-PN JIPPRIETKA MOD U JAGĦMEL IEĦOR

Aqra wkoll

Il-ġurnaliżmu stampat u mxandar huwa r-raba’ pilastru tad-demokrazija. Huma importanti daqs it-tliet pilastri l-oħra, l-eżekuttiv, il-leġiżlattiv u l-ġudikatura. Għaldaqstant, l-irwol li l-ġurnalisti għandhom fis-soċjetà huwa wieħed kruċjali hekk kif huma jwasslulna l-aħbar ta’ dak li jkun qed jiġri f’kull ħin u mument.

Mhux darba jew tnejn li smajna lill-partiti ewlenin, is-soċjetà ċivili u għaqdiet oħra jisħqu fuq l-importanza li l-ġurnalisti għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom fil-libertà u f’serenità sħiħa. U dan wassal ukoll biex fiż-żmien li ġej ikunu introdotti miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-professjoni tal-ġurnaliżmu u min jaħdem fih. 

F’dawn l-aħħar jiem iżda rajna istanzi fejn il-ġurnalisti kienu kemmxejn ristretti milli jwettqu l-funzjoni tagħhom b’mod sħiħ. Qed nirreferu għar-regoli stretti li ttieħdu mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Tant li l-kandidati prospettivi għat-tmexxija tal-PN, f’dan il-każ Adrian Delia u Alex Borg, ma tħallewx jiddibattu iżda kien permess li jsirulhom biss intervisti b’mod individwali. 

Wara l-pressjoni kbira li saret, inkluż minn Delia nnifsu, il-Kummissjoni Elettorali tal-PN irrilaxxat xi miżuri u ppermettiet li l-kandidati jsemmu lil xulxin waqt intervista. Tibdil li fil-fehma tagħna kien wieħed minimu ħafna. 

Iżda apparti dan, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet żvolġiet sitwazzjoni oħra li wkoll tinvolvi lill-ġurnalisti. Sitwazzjoni li ġabet il-kundanna tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, li nnotaw kif il-Kummissjoni Elettorali tal-PN qiegħda twaqqaf il-kandidati milli jfittxu l-intervisti li jixtiequ jagħtu. Miżuri li l-istess IĠM sejħitilhom bħala “anti-demokratiċi”. 

Id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN kienet kritikata minn bosta fejn dawn ir-restrizzjonijiet kollha li qed jiġu imposti ċertament se jkunu qed iħallu l-impatt tagħhom anke fuq il-kampanji taż-żewġ kandidati.

U anke hawn wieħed ma jistax ma jinnotax l-inkosistenza min-naħa tal-PN. Biss biss, jekk insemmu fl-aħħar leġiżlatura, kemm-il darba smajna lill-PN jew esponenti tiegħu jipprietkaw fuq ir-rule of law u l-libertà tal-espressjoni fejn anke saru protesti u tniżżlu n-nies fit-toroq… iżda issa meta huma stess ġew għall-prova biex iwettqu dak li verament ilhom iħambqu fuqu, dawn ħarġu b’għadd ta’ restrizzjonijiet fuq il-midja.

Nemmnu li l-kandidati għal xi rwol għandu jitħallew fil-libertà kollha li jistiednu lil min iridu huma biex jagħmlulhom il-mistoqsijiet fil-kampanji tagħhom, u mhux għax huma tal-fehma opposta ma jitħallewx jagħmlu dan. Wara kollox, jekk ikun hemm iċ-ċensura, l-iskrutinju mill-midja jitlef kull skop tiegħu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport