Wednesday, December 25, 2024

“Il-PN minn dejjem kellu għal qalbu lin-nisa”

Aqra wkoll

Iktar kmieni llum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien intervistat minn Marbeck Spiteri waqt programm speċjali f’Jum il-Mara. Huwa beda billi qal li fl-opinjoni tiegħu, mhux Jum il-Mara għandu jkollu sinifikat, imma hija l-mara li għandu jkollha sinifikat. Għal Grech “In-nisa għandhom valur kbir” u jargumenta li “L-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu għal qalbu n-nisa u dejjem ħadem biex in-nisa jkomplu javvanzaw”. Madanakollu, huwa ma naqasx milli jattribwixxi x-xogħol tal-Partit Laburista f’dan ir-rigward. 

Grech jargumenta li n-nisa għandu jkollhom l-istima li tixirqilhom, u fl-opinjoni tiegħu din tista’ sseħħ biss jekk ikun hemm bidla fil-mentalità. Din il-bidla trid tiġi kemm mill-irġiel kif ukoll min-nisa.

Waqt l-intervista sellem lil Paulina Dembska u lil Rita Ellul, l-aħħar żewġ vittmi f’dan il-pajjiż, vittmi ta’ femiċidju. Dawn inqatlu sempliċiment għax huma nisa. Għalhekk Grech ħeġġeġ lill-pubbliku biex ta’ kuljum niġġieldu din il-mentalità u nrawmu mentalità ġdida fit-tfal sa minn meta jkunu għadhom f’ħoġorna, u iktar tard jattendu l-iskola u l-Università, u  eventwalment fuq il-post tax-xogħol. Huwa saħaq li l-mentalità jridu jbiddluha kemm il-politiċi kif ukoll aħna l-individwi, u li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li kulħadd għandu dritt jasal fejn jixtieq.

Grech jelenka li għad hawn sitwazzjoni diffiċli għal numru ta’ nisa li għalkemm huma mlaħħqin f’ċerti xogħlijiet, dawn ma jingħatawx l-istess paga u l-istess kundizzjonijiet.

Fuq nota oħra, Grech ċanfar lil min għadda kummenti dwar kandidati li jkantaw, b’mod speċjali fil-konfront ta’ Julie Zahra għax skontu Zahra għandha aktar x’toffri lil hinn mill-karriera artistika tagħha.

Ekonomija

Sport